Il-ħobż li jiena nagħti

Il-ħobż li jiena nagħti



Mument ta’ talb: Festa tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu 2020

Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa u oġġett li jfakkrek f’xi ħadd speċjali


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Kollox immarkat bl-imħabba t’Alla

Ieqaf għal ftit fuq oġġett, pjanta, ħlejqa …

Jew persuna … preżenti jew le

Ieqaf ftit … x’tinnota? x’tapprezza?

X’rigal qed tirċievi?

Liema kwalità ta’ Alla tasal għandek permezz ta’ dak l-oġġett, dik il-ħlejqa, dik il-persuna?


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 6, 51-58)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: “Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”. Fuq hekk il-Lhud tlewmu bejniethom, u bdew jgħidu: “Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?”. Ġesù mela qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija. Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirjietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem”.


Riflessjoni u talba:

Ġisem u demm

“Aħna mhux tad-demm u l-laħam ukoll!”

Din l-espressjoni nużawha biex nitkellmu fuq il-fraġilità tagħna bħala persuni.

U din is-sena ġejna aktar konxji kemm aħna fraġli!

Anke jekk qed niftħu, imma b’ħafna restrizzjonijiet, b’ħafna miżuri … inkluż il-quddies.

Festa tal-Ġisem u d-demm ta’ Kristu! X’qed niċċelebraw?

Festa “tad-demm u l-laħam” (ta’ Kristu).

Interessanti! Dak li jirreferi għad-dgħufija tagħna fi Kristu isir il-qawwa tagħna?

“L-Ewkaristija mhijiex premju għal min hu tajjeb imma mediċina għal min hu dgħajjef”

“Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”

Il-ħobż

Liema hija l-mużika preferita tiegħek? U l-grupp jew kantant favurit tiegħek?

Ħafna drabi biżżejjed tisma’ 4 noti biex tagħraf l-artist.

L-artist veru ipoġġi lilu nnifsu f’dawk in-noti.

U b’xi mod dawk in-noti jidħlu fik u jibdlu lilek.

Kemm meta bilqiegħda, kemm meta tiżfen, kemm meta miexi u tkanta minn ġewwa.

Eżempju fqir li jista’ jgħinna napprezzaw dak li qed jiġri fil-misteru tal-Ewkaristija.

Id-dgħufija tinbidel f’ħajja ġdida.

Iż-żerriegħa li tmut, tikber u tagħmel il-frott – qamħ (taħt l-effett tax-xemx)!

Il-qamħ jindaħan fi dqiq u jsir għaġina li tinbidel f’ħobż (taħt l-effett tan-nar).

Fil-ħobż (taħt l-effett tal-Ispirtu s-Santu) iseħħ dak li jingħad fil-kliem: “Dan hu Ġismi li jingħata għalikom” (U l-istess għall-inbid: “Dan hu demmi li jingħata għalikom”.)

Jekk bi ftit noti nagħraf l-artist,

F’kelma waħda nagħraf il-misteru tal-ħajja: Jingħata!

“Il-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”

Nagħti

Aħna u inqattgħu aktar ħin online

mhux dejjem faċli nagħarfu

bejn l-immaġni vera u dik “imbagħbsa” biex tħalli impressjoni,

bejn dak li hu veru u dak li hu falz.

Illum niċċelebraw lil Dak li jippreżenta ruħu fis-sempliċità,

ma jippruvax jimpressjona,

U għax ġenwin, għax imur għall-essenzjal,

għax poġġa qalbu hemm (“daħal b’ruħu u ġismu” kif ngħidu u kif kien fil-fatt)

imantni lil kull min jirċevih.

U għalik xi tfisser li tkun ġenwin online? Fir-relazzjonijiet? Xi tfisser tmur għall-essenzjal?

Għall-ħajja

F’dawn il-ġimgħat li għaddejna f’restrizzjonijiet minħabba virus li jattakka s-sistema respiratorja,

ġejna konxji li konna qed niġru b’ritmu li jaqtagħlna nifisna.

Mhux dejjem nafu għalfejn qed niġru u jekk hux fid-direzzjoni t-tajba.

Illum niċċelebraw ħobż ċkejken li jieħu valur enormi għax mibdul mil-Kelma t’Alla.

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.

Ġesù ma jibdilx il-blat kollu f’ħobż!

Jaqbad biċċa ħobż ċkejkna u jgħid:“Dan hu ġismi li jingħata għalikom”

Isir ħobż li jagħti l-ħajja u jagħti sens lil ħajja.

Meta tieqaf ħesrem quddiem dan il-ħobż u dan il-kliem

U tagħraf lil Alla li qed jingħata għalik

Il-prijoritajiet tiegħek jibdew jinbidlu, u tagħżel li tingħata għall-oħrajn,

U kull nifs ta’ ħajtek jieħu valur daqs il-ħobż Ewkaristiku.

“Only a life lived for others is a life worthwhile”.

Kif tispirak din il-verità?

Tad-dinja

Għall-quddies fil-Knisja se jkollna mmorru f’numri ristretti;

Uħud jgħidulna biex inżommu s-“social distance” meta qed nifhmu “physical distance”.

Iżda fil-fatt, din is-sitwazzjoni tikxef x’kien qed jiġri qabel il-Covid:

Social distance.

Mhux biss żdiedu n-nies connected online iżda wkoll dawk li jesperjenzaw solitudni.

Waħdi fil-folla.

Fil-knejjes ma kellniex limitu ta’ kemm jidħlu nies iżda l-isfida tal-piki u l-preġudizzju ma naqsitx.

Illum niċċelebraw imħabba interessata fil-ħajja tad-dinja!

Imħabba li teħlisna mill-idea falza li biżżejjed nagħti każ lil ta’ ġewwa (per eżempju, naċċetta li nisraq mit-taxxi, mix-xogħol … basta biex ngħin il-familja!)

Imħabba li tfejjaq mill-pika li ġġiegħlna naħsbu li jien/aħna jkollna valur meta jegħreq il-partit oppost;

Imħabba li għax espressa fiċ-ċokon ta’ ftit ħobż u ftit inbid,

tiftħilna għajnejna li l-libertà mhix meta naħsbu li d-dinja hija riżorsi bla limiti u nistgħu nużawha bil-ħela

iżda dik l-imħabba kreattiva ta’ Alla li tkattar il-ġid għax taqsmu.

Your light doesn’t dim when you ignite someone else’s flame. It just makes the world shine that much brighter.”

Liema persuna/katekorija ta’ nies issibha diffiċli li taċċetta? Xi tfisser li tirċievi dawl mingħandhom jew taqsam d-dawl lilhom?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.

Fatal error: Uncaught wfWAFStorageFileException: Unable to verify temporary file contents for atomic writing. in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php:52 Stack trace: #0 /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php(659): wfWAFStorageFile::atomicFilePutContents('/home/forge/mar...', '<?php exit('Acc...') #1 [internal function]: wfWAFStorageFile->saveConfig('livewaf') #2 {main} thrown in /home/forge/marsaskalaparish.org/public/live/wp-content/plugins/wordfence/vendor/wordfence/wf-waf/src/lib/storage/file.php on line 52