AVVIŻI – 14 ta’ Frar 2021

AVVIŻI – 14 ta’ Frar 2021

L-avviżi tal-parroċċa għal matul din il-ġimgħa 14 sal-21 ta’ Frar 2021:

1. Għoti ta’ Demm
Il-Ħadd 14 ta’ Frar 2021 bejn it-8:30am u s-1:00pm se jsir l-għoti tad-demm maġenb il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun. Inħeġġiġkom sabiex immorru nagħtu d-demm u aħna mitlubin nieħdu magħna l-ID Card.


2. Ras ir-Randan

L-Erbgħa 17 ta’ Frar 2021 nagħtu bidu għal żmien ir-Randan. Huwa jum ta’ sawm u astinenza (innaqsu mill-ikel u ma nieklux laħam). Il-quddies fil-parroċċa tagħna jkun fis-7.00am, fit-7.45am, fis-6.00pm u quddiesa oħra fis-7.00pm.


3. It-Talba ta’ filgħodu tal-Knisja

Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-7.25am nitolbu flimkien it-talba ta’ filgħodu tal-Knisja.


4. Laqgħa għall-ġenituri li wliedhom ser jirċievu l-Grizma tal-Isqof 
Il-Ħamis 18 ta’ Frar 2021 se ssir laqgħa għall-ġenituri li wliedhom jattendu l-Museum Bniet u ser jirċievu s-Sagrament tal-Griżma tal-Isqof. Il-laqgħa ser issir fis-7.00pm, fil-Knisja Parrokkjali u għal dawn il-laqgħat ser jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji relatati mal-Covid.


5. Via Sagra

Matul ir-Randan nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa jkollna t-talba tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali, għalhekk fil-5.15pm jkollna t-talba tar-Rużarju u fil-5.30pm il-Via Sagra.


6. Lectio Divina – riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħdud tar-Randan

Nhar ta’ Tnejn matul iż-żmien tar-Randan, wara l-quddiesa tas-6.00pm ser nitolbu flimkien bil-Kelma ta’ Alla bi preparazzjoni għall-Ħdud tar-Randan. Għalhekk, it-Tnejn 22 ta’ Frar 2021 fis-6:30pm ikollna nofs siegħa mal-Kelma t’Alla u nispiċċaw fis-7:00pm. Inħeġġiġkom sabiex nattendu.


7. Eżerċizzi għal kulħadd

Mit-Tnejn 1 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 5 ta’ Marzu ser issiru l-eżerċizzi għal kulħadd fil-Knisja Parrokkjali fit-8.15am. Inħeġġu lill-ġenituri li jwasslu t-tfal l-iskola primarja sabiex jieħdu vantaġġ u jattendu din in-nofsiegħa eżerċizzi. Ser imexxi l-eżerċizzi Fr Claude Mifsud.


8. Quddiesa u Barka fuq l-Omm u t-Tarbija fil-ġuf tagħha

Is-Sibt 13 ta’ Marzu 2021 fit-8.00pm ssir il-Quddiesa u l-Barka fuq l-Omm u t-Tarbija fil-ġuf tagħha bl-interċessjoni ta’ Sant’Anna li tħares lill-ommijiet u t-trabi fil-ġuf tagħhom. Mistiedna wkoll il-ġenituri li welldu tarbija biex jirringrazzjaw lil Alla.


9. Eżerċizzi għall-koppji

Mit-Tnejn 22 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 26 ta’ Marzu ser issiru l-eżerċizzi għall-koppji fis-7.00pm fil-Knisja Parrokkjali. Nħeġġu lill-miżżewġin u lil dawk li qed jibnu familja sabiex jattendu għall-eżerċizzi. Ser imexxi l-eżerċizzi Fr Kevin Schembri.


10. Ċelebrazzjonijiet tal-Ewwel Tqarbina 2021
Din is-sena, l-Ewwel Tqarbina fil-parroċċa tagħna ser issir nhar is-Sibt 5 ta’ Ġunju 2021 fis-6.00pm u l-Ħadd 6 ta’ Ġunju 2021 fil-11.15am u fis-6.00pm.


11. Proġett 75 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa

Fl-2024, il-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn se tkun qed tfakkar il-75 sena mit-twaqqif tagħha. Bħala Parroċċa se nkunu qed niċċelebraw dan l-avveniment bi proġett komunitarju u bil-pubblikazzjoni ta’ ktieb, li jkollu wkoll l-għan li jiddokumenta dan il-proċess.

L-għan ta’ dan il-proġett hu li niskopru mill-ġdid x’jagħmel lil Wied il-Għajn dak li hu, kif l-istejjer tal-art u tan-nies li joqogħdu fiha ntagħġnu flimkien, bit-tama li l-istorja ta’ Wied il-Għajn tkun apprezzata, mgħożża u mgħoddija lil ġenerazzjonijiet futuri ta’ Skalin.

Jekk tixtieq tagħmel parti minn dan il-proġett, nitolbuk timla’ dan il-kwestjonarju: https://marsaskalaparish.org/progett75 jew tieħu karta mis-sagristija.

Barra minn hekk, jekk għandek xi ritratti antiki ta’ Wied il-Għajn u li jistgħu jkunu murija f’esebizzjoni u/jew ikunu pubblikati fil-ktieb, nitolbukom tkellmu lil xi ħadd minna s-saċerdoti.

Comments are closed.