Vjaġġ
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-21 Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”.
“Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kull ma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kull ma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.
Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.
(Mt 16, 13-20)
Riflessjoni u talba:
i. Meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”
Meta waslu fil-post fejn hemm firxa ta’ ideat
varjetà ta’ allat
l-faxxinu tal-abbundanza;
Meta kien wasal f’punt importanti fil-ministeru tiegħu
Ġesù jqanqal mistoqsijiet radikali
dwar min Hu!
Irrifletti
- Fil-varjetà ta’ ideat li hawn illum, x’qed jgħidu n-nies fuq min hu Ġesù?
ii. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet.
Xmun bin Ġona
jaqbeż, iwieġeb,
imiss l-essenzjal.
Imma hieni mhux għax ġab risposta tajba
mhux għax issa għandu biex jiftaħar quddiem l-oħrajn;
imma għax hu m’għadux jirreaġixxi bħala bin Ġona
iżda bħala bin il-Missier;
għax issa għandu sehem mill-istess Spirtu tal-Iben t’Alla l-ħaj:
għax Ġesù l-Messija ser ikun blata, barka, futur għall-Knisja, għal ħaddieħor.
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li tkun hieni ghax imexxik il-Missier?
iii. Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija.
Hemm sitwazzjonijiet
fejn is-silenzju iħalli spazju għall-verità aktar mill-kliem;
għax hemm kliem li jagħlaq il-persuna fil-kaxxi mfassla minn qabel
kliem li ma jħallix l-oriġinalità tal-persuna toħroġ
kliem li ma jħallix l-imħabba t’Alla tissorprendi.
Imma s-silenzju jagħtina ċ-ċans biex ninnutaw
biex nagħtu ċ-ċans
biex inħallu lil Alla jkun Alla
biex jeħodna lil hinn minn dak li mhux Alla.
Irrifletti
- Fejn rajt li kellek bżonn tiskot biex tiggosta lil Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.