Lestu għat-taqbida!

Lestu għat-taqbida!

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-6 Ħadd – C.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

 Hieni l-bniedem li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

(Lq 6, 17.20-26)

pexels/mateusz dach: ready for it?

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon.

Ġesù jinżel fil-wita
fejn il-pass jinħass aktar komdu
 
u bħal sajjetta fil-bnazzi
jikxef li l-affarijiet mhux kif jidhru:
 
fil-wita hemm il-kumbattiment tal-ħajja ta’ kuljum
u jekk l-affarijiet m’humiex sew, l-ebda aljenazzjoni m’hi se tfejjaq!

Imma l-kelma tiegħU bħal xafra taqta’ b’żewġt ixfar
tinfed il-qoxra u ddewwi l-ġewwieni.

Irrifletti:

  • B’liema mod tħalli l-Kelma t’Alla tinfed il-ġewwieni tiegħek?
pexels/ellyfairytale: blessed.


ii. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Ħienja intom li qalbkom miftuħa għal Alla
intom li temmnu li jseħħ kulma jintqalilkom min-naħa tal-Mulej (Lq 1,45)
li dixxipli biss ta’ Dak “li jimla b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja jibgħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1, 53).
 
Ħenjin intom li tieħdu d-deċiżjonijiet
mhux sempliċiment x’jaqbel lilkom
jew x’inhu l-aktar komdu fil-mument
iżda b’ħarsa usa
li tinkludi l-ġid tal-oħrajn
li tinkludi l-ħajja ta’ dejjem –
dixxipli tal-Irxoxt.

Irrifletti

  • X’jgħinek tieħu deċiżjonijiet sbieħ?
pexels: cursed.


iii.  Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Ħażin għalikom meta l-għeruq tagħkom fid-deheb:
 
l-umdità mhix l-ilma ġieri,
is-saħħa tiegħek mhix Alla!
il-ġuħ tal-qalb għall-verità, għas-sabiħ,
għat-tajjeb, għall-imħabba
għal Alla
ma jimteliex bil-ħobż!
 
Jekk taljena ruħek bil-ħmerijiet
f’xi ħin il-ħajja tqajmek.
 
Imxi umli quddiem Alla.
Imxi fil-verità għax il-falz ismu miegħu.

Irrifletti

  • Liema huma l-affarijiet li fihom tpoġġi fiduċja żejda?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.