L-ewwel Alla!
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-10 Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul u bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten”.
Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.
Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem”. Għax kienu qalu: “Għandu fih spirtu ħażin”.
Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru, u qalulu: “Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk”. U hu weġibhom: “Min huma ommi u ħuti?” Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.
(Mk 3, 20-35)
Riflessjoni u talba:
i. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: “Dan għandu fih lil Begħelżebul.”
Mhux qed jinftiehem!
Il-ħeġġa, il-prijoritajiet, l-istil ta’ kif jgħix,
il-ġenerożità, l-għażliet, l-interess ġenwin fl-oħrajn
l-awtorevolezza, is-sens ta’ konvinzjoni, il-qawwa tal-fatti.
Ta’ ġewwa joħorġu biex iżommuh –
għax mhux bħalna, ngħidu li Hu “tilef moħħu”,
mhux li jista’ jkun li aħna tlifna moħħna!
Ta’ Ġerusalemm – il-post tal-poter –
jippruvaw jattakkaw l-integrità tiegħu
biex jevitaw li jirċievu xi ħaġa mingħandu!
Irrifletti
- X’tip ta’ reżistenza jkollok meta tiltaqa’ ma’ ħajja eżemplari?
ii. Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: “Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan?
Ma jiżbilanċjax ruħu!
Jibqa’ dak li Hu:
l-istil tiegħu huwa ta’ djalogu
issejħilhom lejh – mhux ikellimhom minn fuq jew mill-bogħod;
jitkellem bil-parabboli – biex jiffaċilita l-għarfien, mhux jattakka u jtella’ ħitan;
juri s-sabiħ u r-raġonevolezza tal-verità
imma jinkedd meta t-tajjeb nibdew ngħidulu ħażin!
Irrifletti
- X’jolqtok fl-istil ta’ kif jimxi Ġesù?
iii. Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: “Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”.
Il-qraba riedu jżommuh
in-nies ta’ Ġerusalemm riedu jwaqqgħuh
dawk bilqiegħda madwaru riedu jisimgħuh
riedu jħalluh jibdel lilhom
riedu jagħtu spazju għal dak li hu ġdid, ta’ Alla
riedu jieħdu distanza mill-konvinzjonijiet u l-preġudizzji tagħhom
u jagħmlu tagħhom ir-konvinzjonijiet u l-għażliet ta’ Alla.
Irrifletti
- Kif tesprimi ruħha fik ix-xewqa li tagħmel ir-rieda t’Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.