“Jien hu l-bieb”
Mument ta’ talb fid-dar fir-4 Ħadd tal-Għid.
Preparazzjoni: Ipprepara l-post għat-talb: xemgħa, salib, simbolu tal-ħajja.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nilqgħu lil Kristu Rxoxt f’nofsna:
Intrefgħu, bibien, infetħu, intom bibien ta’ dejjem,
ħalli jidħol is-Sultan tal-glorja!
Min hu dan is-Sultan tal-glorja?
Hu l-Mulej tal-eżerċti:
dan hu s-Sultan tal-glorja!
(Salm 24, 9-10)
Salm 23
Isma’ dan is-Salm kantat billi tagħfas play.
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi:
xejn ma jonqosni.
F’mergħat kollha ħdura jqegħedni,
ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni.
Hemm hu jrejjaqni.
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Imexxini fit-triq tas-sewwa
minħabba l-isem tiegħu.
Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,
ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.
Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,
huma jwennsuni.
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Inti tħejji mejda għalija
quddiem l-għedewwa tiegħi.
Biż-żejt tidlikli rasi,
u l-kalċi tiegħi tfawwarli.
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
Miegħi, iva, jimxu t-tjieba u l-ħniena
il-jiem kollha ta’ ħajti.
U ngħammar f’dar il-Mulej
sakemm indum ħaj!
Hallelujah, hallelujah, hallelujah
L-Evanġelju
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (Ġw 10, 1-10)
Min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ. …
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”. …
“Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
Riflessjoni u talba:
Kemm-il riklam smajna! Kollha jgħidulna “Ibqgħu ġewwa!”
F’daqqa waħda, dak li kien ovvju, m’għadux:
li noħroġ fi xħin jidhirli u li mmur fejn irrid!
Noħroġ mill-bieb ‘l barra jew le?
Il-bieb sar il-post fejn naħseb qabel niddeċiedi: naħseb f’xi ħadd ieħor.
M’inix waħdi. Ħajti magħmula minn relazzjonijiet. Noħroġ mill-bieb meta meħtieġ biex nipproteġi/nippromwovi l-ħajja – tiegħi u ta’ ħaddieħor!
Naħrab mit-tieqa jekk ma jimpurtanix – mill-ħajja tiegħi jew ta’ ħaddieħor!
X’tista’ tfisser li minn issa ‘l quddiem kull deċiżjoni noħodha fil-bieb li hu Ġesù?
1. Ġesù jgħid: “Jien il-bieb”
U jkompli: “Jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi isalva,u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa”.
Hemm dan id-dettall: il-persuni jidħlu u joħorġu.
Jgħid dan il-kliem qrib il-post f’Ġerusalemm (il-bieb tan-nagħaġ) fejn in-nagħaġ kienu jidħlu biss u ma joħorġux iżjed!!
Jidħlu fit-tempju u jinqatlu għas-sagrifiċċju.
Imma Ġesù mhux hekk: “Jien ġejt biex ikollkom il-ħajja u l-ħajja bil-kotra”.
F’qalbu dejjem hemm il-ġid tal-persuna l-oħra: qatt li jużaha.Mhux bħall-ħalliel li “jisraq, joqtol, jeqred”;
Il-ħalliel kollox idur miegħu:jara biss x’ser jieħu mill-“ħbieb” u l-klijenti,
lest li jkisser lil oħrajn biex jidher hu,jasal li jeqred kull inizjattiva minħabba l-għira.
Imma jekk id-deċiżjonijiet ta’ ħajti noħodhom fil-bieb li hu Ġesu, nagħti l-ħajja u jkolli l-ħajja.
- Min huma l-mexxejja li jispirawk għax għandhom dawn il-kwalitajiet ta’ Ġesù: umli, joħolqu fiduċja, jinkuraġġixxu, jagħtu l-ħajja lil oħrajn.
- Meta toħroġ mill-bieb, x’inhu l-ġid li tixtieq tagħmel?
- Meta tibqa’ ġewwa, x’inhu t-tajjeb li tixtieq tipproteġi.
2. “Jien il-bieb”
Ġesù jgħid dan il-kliem ftit wara li l-kbarat keċċew ‘l barra lir-raġel imwieled għama.
Ġesù kien fejqu – huma keċċewh.Keċċewh ‘l barra: bieb li jeskludi n-nies, li joqtol il-libertà, li jisraq l-opportunitajiet tal-persuni.
Ġesù imma ifittex lil dak ir-raġel. L-imwieled għama kien għadu ma jafx isem dak li fejqu.
Imma Ġesù jafu. Lin-nagħaġ “isejħilhom b’isimhom”. Jaf joħroġ il-valur ta’ kull persuna.
Mhux mexxej li jfittex li jidher! Ġesù jfittex biss li joħroġ l-aħjar ta’ kull persuna.
Mhux mexxej li jrid li kulħadd ikun kopja tiegħu iżda li kulħadd ikun kreattiv għall-ġid tal-oħrajn.
Bieb li jipproteġi mill-ħażin, biex isalva t-tajjeb, biex jieħu ħsieb il-ħajja.
Bieb li jiftaħ biex kulħadd joħroġ t-talenti tiegħu u jużahom għall-ġid tal-oħrajn.
Mhux lider li jikkontrolla l-persuni iżda jagħti ħajja bil-kotra.
- Mulej kun il-bieb! Għinna biex il-ħbiberiji tagħna, ir-relazzjonijiet fil-familja tagħna u fl-iskejjel ma jkunux ta’ kontroll iżda relazzjonijiet li jagħtu l-ħajja lil kull persuna.
- Jekk int żagħżugħ/a: fejn tħoss li Alla jixtieqek ħajtek fil-futur?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Għal għarfien kif l-ispazji tad-dar isiru spazji sagri, ara:
Ħajr:
Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.
Chris Bugeja, għall-kant tas-salm.