Ħwejjeġ moħbija…
Mument ta’ talb: Is-Sittax-il Ħadd Matul is-Sena A
Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità: stejjer (2)
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Qegħdin fil-preżenza t’Alla li juża l-qawwa tiegħu biex jerfa’
Int, Alla Sidi, ħanin u twajjeb,
iddum biex tagħdab, kollok tjieba u fedeltà.
Ħares lejja u ħenn għalija,
agħti qawwa lill-qaddej tiegħek
(Salm 85)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 13, 24-35)
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies din il-parabbola: “Is-saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed raġel li żara’ żerriegħa tajba fl-għalqa tiegħu. Iżda xħin in-nies kienu reqdin, ġie l-għadu tiegħu, żara’ s-sikrana qalb il-qamħ u telaq. Meta mbagħad il-qamħ nibet u ħareġ is-sbul, tfaċċat ukoll is-sikrana. Resqu l-qaddejja fuq sid l-għalqa u qalulu: “Sinjur, int mhux żerriegħa tajba żrajt fl-għalqa tiegħek? Mela dis-sikrana mnejn ġiet?”.
Iżda hu qalilhom: “Dil-biċċa għamilhieli xi għadu tiegħi”. “Tridx immorru niġbruha?”, qalulu l-qaddejja. “Le, qalilhom, għax intom u tiġbru s-sikrana għandkom mnejn taqilgħu magħha l-qamħ ukoll. Erħulhom jikbru t-tnejn flimkien sal-ħsad; meta mbagħad jasal il-ħsad, ngħid lill-ħassada: Iġbru s-sikrana l-ewwel, u orbtuha qatta qatta għall-ħruq, imbagħad qiegħdu l-qamħ fil-maħżen tiegħi””.
Ġibilhom parabbola oħra u qalilhom: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil żerriegħa tal-mustarda li wieħed raġel ikun qabad u żeragħha fl-għalqa tiegħu. Hija tabilħaqq l-iżgħar waħda fost iż-żrieragħ kollha, iżda meta tikber, tkun l-akbar waħda fost il-ħxejjex u ssir siġra, hekk li l-għasafar tal-ajru jiġu jbejtu fil-friegħi tagħha”.
Qalilhom parabbola oħra: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil ftit ħmira li waħda mara tkun qabdet u ħalltet ma’ tliet sigħan dqiq sa ma tkun għoliet l-għaġna kollha”.
Dan kollu Ġesù qalu bil-parabboli lin-nies, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta, meta qal:
“Niftaħ fommi bil-parabboli,
nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija
sa mit-twaqqif tad-dinja”.
Riflessjoni u talba:
Ġewwa fina hemm kurżità sabiħa!
Bħal meta konna tfal inżarmaw oġġett biex naraw minn ġewwa kif jaħdem.
Bħal meta sibt moħba taħt it-taraġ tal-bitħa tan-nannu!
Jew niġru fil-wied biex niskopru.
Il-ħajja. Is-sigriet tal-ħajja. Il-misteru tal-ħajja!
Il-mistoqsijiet quddiem l-isfidi u d-diffiċli.
Kultant naħseb li s-sigriet tal-ħajja huwa li nkun bħal tightrope walker:
Li nkun kapaċi nagħmel xi ħaġa kbira … u jekk ma naqax iċapċpuli.
Jien.
Bis-saħħa tiegħi?
Hero!
U jekk le?
Ġesù jgħid tlett stejjer biex jikxef dak li kien moħbi sa mill-ħolqien tad-dinja.
Is-Saltna t’Alla bħal min żera’ żerriegħa tajba fl-għalqa u ġie l-għadu u żera’ s-sikrana
Tiżra t-tajjeb imbagħad tiskopri li hemm il-ħażin!
Għaliex Alla ma joħroġx b’saħħtu kollha u jeqred il-ħażin?
Jidher li huwa aktar attent li t-tajjeb ma jinqeridx u jagħtih ċ-ċans jikber u jissaħħaħ.
Nirringrazzjaw lil Alla għal dawk in-nies li
- Tawna spazju biex niltaqgħu mal-oħrajn minkejja r-riskji – u hekk ma ingħalaqniex fina nfusna u tlifna l-ġenerożità;
- Tawna spazju biex nippruvaw, ħallewlna ċ-ċans li nagħmlu żball (u forsi jaqgħu għaċ-ċajt huma) – hekk ma tlifniex il-kapaċità li nieħdu riskju, li nkunu kreattivi biex nagħmlu t-tajjeb;
- Ħadu paċenzja bil-mistoqsijiet (kultant stupidi) tagħna – u hekk ma tlifniex il-kurżità u l-opportunità li nitgħallmu u nfittxu l-verità;
- Li ma waqfux fuq d-difetti u l-limiti tagħna iżda baqgħu jemmnu fit-tajjeb moħbi.
Mulej aħfrilna meta fl-oħrajn ma narawx ħlief egoiżmu, diżonestà u arroganza u ninsew li hemm miżrugħa f’kull bniedem iż-żerriegħa t-tajba li inti żrajt.
Bħal żerriegħa ċkejkna
Kultant inħossuna bla saħħa meta nħarsu lejn l-isfidi ta’ madwarna.
Naqta’ qalbi għax ma nistax insolvi kollox … illum.
Minix b’saħħti! M’għandix il-kapaċitajiet kollha.
Ġesù jagħtina sigriet: “Is-Saltna tas-smewwiet tixbaħ lil żerriegħa tal-mustarda …”
Żerriegħa żgħira. Alla hekk jaħdem.
Jibda fiċ-ċokon, fil-moħbi u jibni ftit ftit.
- Il-qalb tal-bniedem tibda b’daqs ta’ comma f’ġisem fraġli moħbi f’ġuf.
- Il-meravilja tad-dinja bdiet bi proċess fis-silenzju tal-bidu u li għadu għaddej;
- Il-Knisja bdiet b’żerriegħa ċkejkna li dehret falluta fuq salib bid-dixxiplu mferrxa.
Fejn tinnota xi ħaġa tajba li bdiet tikber ftit ftit?
Il-Mulej qed jispirak biex tibda xi ħaġa tajba … żgħira kemm hi żgħira?
Bħal ftit ħmira
Meta nara li mhux kulħadd jaħsibha bħali
Meta naħseb li aħjar naħbi t-tajjeb li għandi għax inħossni kontra l-kurrent
Meta nkun ittentat li nimponi fuq kulħadd biex ikunu bħali
Ġesù jgħidilna li s-sigriet huwa li “tkun ħmira”
Agħti t-tajjeb tiegħek, mhux biex tidher int, iżda bix jikber t-tajjeb f’ħaddiehor jew fis-soċjetà.
Kos! Alla jinħeba biex isaħħaħ u jkoabbar t-tajjeb li hemm fina.
Grazzi Mulej
- għal min qed jaħdem għal sirtu ta’ koperazzjoni u sens ta’ komunità
- għas-sorijiet tal-klawsura
- għal ommijiet u missirijiet li fis-silenzju kienu s-sigriet biex t-talent ta’ wliedhom jissaħħaħ.
- Għal tant nies li, grazzi għall-ġenerożita, d-determinazzjoni, is-servizz lejn il-bniedem f’diffikultà, lejn il-ġustizzja u l-verità, is-soċjetà ma tilfitx il-wiċċ uman tagħha.
Xi tfisser għalik li tkun ħmira?
Hemm xi persuna li tixtieq tinkuraġġiha f’xi kwalità tajba li għandha?
X’inhu t-tajjeb li tara fis-soċjetà? Kif tista’ tgħin biex dan jissaħħaħ u jikber?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.