Mar f’post imwarrab

Mar f’post imwarrab

Mument ta’ talb: It-Tmintax-il Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw il-Vanġelu fin-normalità: kwiet

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

F’qalbi hemm xewqa profonda għal Alla. Għalhekk qed hawn …

Ħdejn l-ilma fejn nistrieħ joħodni,
Hemm hu jrejjaqni

 (Salm 23)

This image has an empty alt attribute; its file name is meric-tuna-CE1OvMrZumQ-unsplash-2-1024x576.jpg

L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 14, 13-21)

F’dak iż-żmien, meta sama’ l-aħbar tal-mewt ta’ Ġwanni l-Battista, Ġesù telaq minn hemm bid-dgħajsa u mar waħdu f’post imwarrab. Imma n-nies semgħu fejn mar, u telqu warajh bil-mixi mill-ibliet.

Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, u fejqilhom il-morda tagħhom.

Xħin sar filgħaxija d-dixxipli tiegħu resqu lejh u qalulu: “Dan post imwarrab, u l-ħin għamel sewwa. Ibgħathom lin-nies, ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma għandhomx għalfejn imorru; agħtuhom intom x’jieklu”. U huma qalulu: “Hawn ma għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet”.

“Ġibuhomli hawn”, qalilhom. Imbagħad ordna lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix; ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, rafa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli, u d-dixxipli newluhom lin-nies.

U kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa. U kienu madwar ħamest elef raġel dawk li kielu, barra n-nisa u t-tfal.


Riflessjoni u talba:

Il-post imwarrab isir il-post tal-laqgħa

Il-gvern ta’ dak iż-żmien qatel lil kuġinuh (Ġwanni l-Battista) għax kien qed jgħidlu l-verità (lil Erodi).

Ġesù jħoss il-bżonn li jmur waħdu,
f’post imwarrab.
F’qalbu jġorr it-telfa ta’ Ġwanni,
n-niket meta jara f’liema istat wasal fih il-pajjiż li tant iħobb,
konxju ta’ x’jista’ jiġri lilu.

Ġesù imur waħdu, f’post imwarrab …
Bżonn ta’ skiet, li jkun waħdu …
U dak il-post ta’ skiet isir il-post familjari, il-post tal-laqgħa.
Jerġa jisma’ l-kliem li sema’ quddiem Ġwanni l-Battista, il-kliem tal-Missier: “Dan hu ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi” (Mt 3, 17)

Minn dak il-post isib il-qawwa li joħroġ l-aħjar minnu nnifsu:

  • Għajnejn li verament jaraw lin-nies u jifhmu il-bżonnijiet tagħhom
  • Qalb li tifhem u tħoss għalihom
  • Idejn li joffru fejqan

Liema ġrajjiet qed jinbuttawk biex tmur ftit waħdek, f’post imwarrab?

  • Dawk il-ġrajjiet li quddiemhom tħossok helpless; fejn tħossok qed taqta’ qalbek;
  • ġrajjiet li jippruvaw joħorġu l-mibegħda minn qalbek jew jagħlquk fik innifsek?

Ħalli lil Ġesù jieħdok f’post imwarrab, waħdek. X’jgħidlek?

Bidla ta’ perspettiva (1): “Ibgħathom lin-nies” – “agħtuhom intom x’jieklu”

Kultant ngħejjew,
l-isfidi jidhru kbar wisq,
u l-qalb tingħalaq: ma jkolli aptit nara lil ħadd. Ibgħathom!

Il-laqgħa ma’ Ġesù tagħti ħajja ġdida lid-dixxiplu:
ma jibżax jieħu responsabbiltà u jinvolvi ruħu.

  • Innota: kemm żgħażagħ u adulti skoprew passjoni f’ħajjithom grazzi għal esperjenza ta’ volontarjat ma’ nies fil-bżonn. “Tajt ftit u irċevejt ħafna!”

Bidla ta’ perspettiva (2): “M’għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet” … “Ġibuhomli hawn”

Minn persuni li jaqtgħu qalbhom
għax iħossuhom żgħar quddiem l-isfidi u t-taħwid ta’ madwarhom,
id-dixxipli jibdew jaraw x’kapaċi jagħmel Alla bl-affarijiet ż-żgħar

  • Ġib il-memorja ta’ persuna/persuni li b’determinazzjoni ipoġġu l-kontribut tagħhom għall-ġid tal-oħrajn.

Bidla ta’ perspettiva (3): Ħa l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet

Meta jkollok ftit tapprezza aktar.
Jieħu …
jaqbad f’idejh … l-ħobż … l-ħut, jinnota n-numru, kull waħda, il-kwalità, il-forma, l-kuluri, il-piż, tmissu r-rieħa tal-ħut, l-għajnejn … ħobż u ħut … preżżjużi

rafa’ għajnejh lejn is-sema,
mill-ħobż u ħut, iħares ‘l fuq, jara x-xemx … xi proċess twil! …
ix-xemx stiednet lill-qamħ jikber u għamlu l-frott (30, 60, 100) … li issa sar ħobż;
rafa’ għajnejh u għaraf il-ħidma tal-Missier, il-Ħallieq,
u l-ewwel ħut fl-ilma tal-bidu … sa ma wasal għandna,  hawn, illum!
Ħares lura lejn il-ħobż u l-ħut … xi proċess twil … ta’ relazzjoni bejn il-Ħallieq u l-bniedem.

bierek,
qalb Ġesù imtliet b’sens ta’ apprezzament għal dak il-proċess twil biex issa dak il-ħobż u l-ħut qed għandhom. Ifaħħar lill-Missier li wara tant miljuni ta’ snin, dak il-proċess għadu għaddej 
…biex jitma lill-bniedem.

qasam il-ħobżiet u tahom lid-dixxipli,

Ġesù jkompli dak li ra jiġri sa mill-bidu tal-ħolqien:
il-ħajja sseħħ meta hemm imħabba li taqsam ma’ ħaddiehor.
U qasam il-ħobż.

U tahom lid-dixxipli:
L-awtorità tagħti ħajja meta tinqasam ma’ ħaddiehor u mhux tkun konċentrata fuq persuna waħda;
Il-Ħallieq afda l-ħolqien f’idejn l-ewwel bniedem biex jieħu ħsiebu u jmexxih ‘l quddiem;
Ġesù jaqsam l-awtorità tiegħu mad-dixxipli  sabiex huma jaqsmu man-nies.
u d-dixxipli newluhom lin-nies

Min jaf kif tinbidel d-dinja jekk kull dixxiplu jagħmel bħall-Imgħallem:
jaqsam il-ġid u l-awtorità?
“kulħadd kiel u xaba’, u ġabru l-bċejjeċ li kien fadal u mlew bihom tnax-il qoffa”.

  • Għażel oġġett, kwalità li għandek u għamel l-istess eżerċizzju li għamel Ġesù: ħa, refa’ għajnejh lejn is-sema, bierek, qasam, ta…

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.