Stramba imma vera!

Stramba imma vera!

Mument ta’ talb: L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd: radikalitá

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

F’qalbi hemm xewqa għall-ħniena u mogħdrija:

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,
u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

Hu jaħfer dnubietek kollha;
ifejjaq il-mard tiegħek kollu;
jifdi lil ħajtek mill-qabar;
iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena.

 (Salm 102)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 18, 21-35)

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

 (Mt 18, 21-35)


Riflessjoni u talba:

Fil-Vanġelu qatt ma nsibu l-ispirtu ħażin jinnega li Ġesù huwa l-Messija, Iben Alla li ġie fid-dinja.

It-tentazzjoni ta’ Pietru kienet li jitlef il-fiduċja li t-triq ta’ Ġesù se taħdem: “ma jkun qatt”.

It-triq ta’ Ġesù, l-istil tiegħu, tidher stramba.

F’dinja mifnija bil-krudeltà, Pietru jħoss li hemm limitu għat-triq ta’ Ġesù. Hemm limitu meta imbagħad trid tfittex soluzzjoni oħra: Xi kemm il-darba jrid jonqosni ħija …

Inħallu l-istorja (stramba) ta’ Ġesù tmiss l-għeruq tal-problema biex nirċievu l-fejqan:

i. Stabar ftit bija

L-ewwel stramberija: Mela jien għandi nagħti kont lil xi ħadd?!!
Mhix sempliċiment li ngħixu daqs li kieku Alla ma jeżistix.

Fil-verità nibża’ mix-xejn tiegħi u allura nipprova insalva lili nnifsi.
“Kollox inrodd. Tini ftit żmien.” I will prove myself! I can do it!

U ngħix ħajti hekk: nipprova inħallas d-dejn ta’ ħajti. Nitħabat u nistinka biex nuri li jien xi ħaġa: to prove myself. Ħajti, dak li hu għażiż għalija, il-ħajja tal-familja tiegħi stess isiru skjav tal-biża li għandi li ma niswa għalxejn. U ħajti ngħixha mill-biża … u ż-żmien kollu qatt ma jkun biżżejjed biex nifdi l-ħajti.

Ġesù jgħid li s-sid “tqanqal mill-ħniena”, b’kompassjoni, mill-ġewwieni tiegħu (Splanchnistheis) u ħafirlu:

Dak il-ġewwieni li nissilni, jerġa jikkonvinċini li jien maħbub għax maħbub. Grazzja.

Mhemmx bżonn ngħix ħajti nipprova nikkonvinċi lil xi ħadd li jien xi ħaġa, li mhux ta’ min jarmini.

Jien maħbub.
Tħallix il-biża’ jmexxi d-deċiżjonijiet tiegħek.
Għix!
Ħobb!

  • Fejn doqt ftit li inti maħbub minkejja d-dgħufija tiegħek?
  • Fejn doqt il-maħfra? Hemm xi persuna li turik din l-imħabba t’Alla?

ii. Il-qaddej sieħbu – sħabu l-qaddejja

It-tieni fażi tat-terapija tal-istorja.

Il-qaddej jaqbad lill-qaddej sieħbu minn għonqu: jaqtagħlu nifsu.
Maħkuma fina nfusna u mir-rabja, ma jirnexxielniex naraw lil ħuna/oħtna.
Il-kefrija li toħroġ minn qalbna tkun enormi.

It-tieni stramberija.
Hemm sinjal ta’ tama: is-swied il-qalb tal-qaddejja sħabu.

Meta jkun hemm komunità ta’ bnedmin li jsewdu qalbhom quddiem il-moħqrija ta’ bniedem ieħor, meta dak is-swied il-qalb jinbidel f’talba quddiem il-Missier, hemm tnemnem is-Saltna t’Alla. U musbieħ inemnem, Alla ma jitfihx.

  • Min huma l-persuni li qed jesprimu swied il-qalb quddiem ċertu kummenti kiefra fuq is-social media? Kummenti kontra l-migranti, kontra l-ħabsin, kontra…
  • Fejn qed tesperjenza swied il-qalb quddiem l-aġir ħażin ta’ xi ħadd minn sħabek? Tista’ tibdilha f’talba?

iii. tah f’idejn min jaħqru – jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom

Shock therapy?!

Tidher stramba li Ġesù qed juża’ dan il-kliem. Malajr ikun hemm min jaħseb li Alla favur t-tortura.

U forsi nippreferu naqbżu din il-parti u narmu l-istorja kollha. Bħal kors ta’ antibiotics li twaqqfu f’nofsu!

Imma jaqaw mhux hekk jiġri? Meta n-nuqqas ta’ maħfra jaħkem il-qalbna nibqgħu ninħaqru minn ġewwa! Biex ifejjaqna, l-eweel li jagħmel Ġesù huwa li jikxef il-ferita: fejn mhemmx maħfra, nibqgħu mifluġin!

Però l-Vanġelu jkompli.
Ngħiduha kif inhi, insibha diffiċli biex nagħmel dak il-pass: li naħfer.
U hawn is-sorpriża vera tal-Missier: “jagħtih f’idejn min jaħqru”.

Hija l-kelma “jagħtih” (paredōken) li biha Mattew jiddeskrivi l-azzjoni ta’ Pilatu li wara s-swat, ta lil Ġesù biex isallbuh. (Ara Mt 27,26)

Dak li jidher impossibbli għalina, iseħħ.
Alla ineħħi l-qalb tal-ġebel u jpoġġi qalb tal-laħam.

“Ġesu mejjel rasu u radd (paredōken) ruħu” (Ġwanni 19,30)

  • Fejn qed issibha diffiċli biex taħfer?
  • Fejn qed tinħaqar għax qalbek imjassra u mkissra mill-weġgħa ta’ nuqqas ta’ mħabba, ta’ azzjoni ħażina li rċevejt?
  • Tista’ titlob li tirċievi il-qalb ta’ Kristu, l-imħabba tal-Missier, l-Ispirtu tiegħu?
  • U titlob lilu jgħid il-kliem “Missier aħfrilhom” u tħalli l-paċi tiegħu tikber ftit ftit kull darba li terġa titla l-weġgħa?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.