Għaliex?

Għaliex?

Mument ta’ talb: It-29 Ħadd Matul is-Sena A


Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Ħadd

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, mument ta’ silenzju


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Meta nagħrfu lil Alla, nagħtuh kollox:

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;
għannu lill-Mulej fl-art kollha!
Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,
fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu.

Għax kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna,
tal-biża’ aktar mill-allat kollha.
Għax kollha frugħa l-allat tal-popli;
Jaħweh hu li għamel is-smewwiet!

Agħtu lill-Mulej, familji tal-popli,
agħtu lill-Mulej sebħ u qawwa;
agħtu lill-Mulej is-sebħ ta’ ismu!
Ġibulu l-offerti, u idħlu fil-btieħi tat-tempju tiegħu

(Salm 95)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew (Mt 22, 15-21)

F’dak iż-żmien, il-Fariżej marru u bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma. U bagħtulu d-dixxipli tagħhom ma’ xi Erodjani u qalulu: “Mgħallem, aħna nafu li int raġel tħobb is-sewwa, u li t-triq ta’ Alla tgħallimha kif tassew hi, bla ma tħabbel rasek minn ħadd, għax int lejn wiċċ ħadd ma tħares. Għidilna ħaġa, mela: Int x’jidhirlek? Sewwa jew le li wieħed iħallas it-taxxa lil Ċesari?”.

Imma Ġesù għaraf il-ħażen ta’ moħħhom, u qalilhom: “Għaliex tridu ġġarrbuni, ja wċuħ b’oħra? Uruni l-munita tax-taxxa”. Urewh dinar, u Ġesù staqsiehom: “Ta’ min huma dan il-wiċċ u din il-kitba?”. Qalulu: “Ta’ Ċesari!”. Imbagħad qalilhom: “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”.

 (Mt 22, 15-21)


Riflessjoni u talba:

Fil-ħajja hemm dak li hu sagru, qaddis, li trid tgħożżu għax jippreserva l-ħajja u d-dinjità tal-bniedem.

Meta niddisprezzaw dak li hu sagru, inkissru lil ħaddieħor u nitkissru aħna.

Fid-djalogu bejn Ġesù u l-Fariżej joħroġ ċar kemm il-kliem huwa sagru, prezzjuż.

Nitolbu li Ġesù jgħinna nerġgħu niskopru l-valur tal-kliem li nużaw.


i. “bdew jiftiehmu bejniethom biex jaraw kif jonsbuh b’xi kelma”



Kemm hi xi ħaġa gravi l-gidba.

Il-lingwaġġ li żviluppa l-bniedem biex jikkomunika, biex jesprimi lilu nnifsu, biex jibni komunità u jippromwovi l-ħajja,

il-gidba tibdlu fi strument biex “tonsob”, taqbad, tikkontrolla, teqred lill-ieħor. Jidher li qed “jiftiehmu” bejniethom imma fil-verità mhux l-għaqda jinteressahom iżda li jeqirdu lil Ġesù, il-Kelma li sar bniedem, it-triq, il-verità u l-ħajja.

Il-Kelma li qiegħda biex tikkomunika u ġġib l-għaqda issir mezz ta’ vjolenza.

Jiftiehmu iżda bħala komplott, biex jagħmlu ħsara. Mhix diskussjoni ta’ nies li qed ifittxu x’l-aħjar, iżda mod kif iwettqu dak li ddeċidew: li jagħmlu ħsara, jeliminaw.

Flok kliem li jgħinna nifhmu lil xulxin huwa kliem li jqarraq; jidher kliem ta’ tifħir meta fil-fatt huwa nasba; kliem ta’ tbissima bħala maskra għal qalb li tobgħod. F’ħin qasir jirreferu darbtejn għas-“sewwa”, għal dak li hu veru, imma biex jgħattu l-gidba.

Lil Ġesù isejħulu “Mgħallem” meta ma hemm ebda interess li jitgħallmu xi ħaġa mingħandu.

Innota:

  • F’liema ċirkustanzi issibha diffiċli li tkun veru, ġenwin, awtentiku?
  • Fejn tara eżempji ta’ manipulazzjoni tal-kliem madwarek?

ii. “Għaliex”

Hemm “Kelma” li hija vera.
Hemm abbiss bejn il-kelma u l-gidba. Mhumiex xorta.
Il-gidba tfisser manipulazzjoni, abbuż, kontroll ta’ persuna oħra.
Il-kelma vera ħierġa minn Alla, dak li bil-kelma tiegħu saru l-art u s-sema,
Hu Ġesù, t-tweġiba għall-mistoqsija ta’ Pilatu “U l-verità x’inhi?”,
Il-kelma vera għax marbuta ma’ qalb li lesta tħobb sal-aħħar.

Ġesu f’nifs wieħed jikxef il-ferita u joffri d-duwa biex tfiq.
Għaliex tridu ġġarbuni ja wċuħ b’oħra!”
Ġesù jagħraf il-ferita: dak li hu falz, il-wiċċ b’ieħor, u l-ipokresija.
Iżda bil-mistoqsija “Għaliex”, Ġesù ixaqqaq id-dlam li jgħix fih il-giddieb.

Għax il-gidba tagħmilna skjavi tagħha.
Għax il-giddieb jitlef il-kontroll tal-aġir tiegħu u jidħol f’konfużjoni.
Bil-mistoqsija “Għaliex?” Ġesù ifittex li jfejjaq il-ferita minn ġewwa.
“Il-verità teħliskom!”

Iċċelebra:

  • Mument fejn affaċċjajt verità diffiċli u ħassejtek aktar ħieles, mistrieħ; fejn il-komunikazzjoni fil-familja, bejn ħbieb … issaħħet għax iċċarajtu l-affarijiet;
  • Persuni li jispirawk fil-ħidma għall-verità f’servizz ġenwin lejn il-bniedem/is-soċjetà: edukaturi, dawk li jwettqu riċerka xjentifika; ġurnalisti; tobba; saċerdoti.

iii. “Mela agħtu lil Ċesari dak li hu ta’ Ċesari, u lil Alla dak li hu ta’ Alla”

Ġesù isalva d-diskors billi jgħolli l-livell.

Ma jaqax għall-mistoqsija tagħhom (jekk jgħid “tħallsux t-taxxa”, jakkużawh quddiem Pilatu li qed ixewwex kontra Ruma; jekk jgħid “ħallsu t-taxxa” jakkużawh quddiem il-poplu bħala traditur).

Jekk fid-dlam imxaqqaq iħallu d-dawl jinfed,
jiskopru mill-ġdid id-dinjità tagħhom:
mhux sempliċiment il-kapaċità li jagħtu kontribut biex jibnu s-soċjetà (inkluż permezz tat-taxxi);

imma l-libertà biex tkun int: mhemmx bżonn tingħoġob mill-ebda Ċesari: dak MHUX Alla.

Ikkontempla:

  • Xi ħaġa fil-ħolqien (fjura, annimal, persuna…): din saret bil-kelma ta’ Alla! Ammira d-differenza bejn kelma ħierġa minn Alla u l-gidba!
  • Lil Ġesù: ħieles; bil-kelma tiegħu jeħles, jinkuraġġixxi, jikxef il-falz, jibni pontijiet, jaf jiskot meta l-kliem ried iwassal għal tħaġġir ta’ mara, jibni relazzjonijiet …
  • X’ġid tixtieq tagħmel illum bil-kelma tiegħek?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,

Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu

Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.