Spiċċa barra.
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-sitt Ħadd tas-sena
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Nidħol fil-preżenza ta’ Alla kif jien:
Id-dnub tiegħi jien stqarrejtlek,
u l-ħażen tiegħi ma ħbejtulekx.
Jien għedt: “Quddiem il-Mulej nistqarr ħtijieti”.
U int ħfirtli l-ħażen tad-dnub tiegħi. R/.
Ifirħu, twajbin, u thennew fil-Mulej;
għajtu bil-ferħ, intom ilkoll ta’ qalbkom safja (Salm 31)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skond San Mark
F’dak iż-żmien, resaq fuq Ġesù wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkupptejh quddiemu u qallu: “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!”. Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: “Irrid, kun imnaddaf!”.
U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta’ xhieda”.
Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma’ kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien. (Mark 1, 40-45)
Riflessjoni u talba:
i. Resaq fuq Ġesù wieħed …
Illum nista’ nifhem ftit aktar għalfejn Ġesù ħareġ barra mir-raħal!!! anke jekk “kulħadd kien qed jistaqsi għalih”.
Għal dak il-wieħed.
Għal dak il-wieħed li ma jistax jidħol fir-raħal.
Maqtugħ minħabba l-marda … għax “belagħha” u issa kulħadd jevitah (anke wara li għaddielu).
Maqtugħa minħabba preġudizzju … “dik dejjem hekk”.
Maqtugħ għax “barrani” … u l-barrani ismu miegħu … dejjem postu “barra”.
Għalhekk Ġesù qalilhom ejjew immorru post ieħor … għalhekk ħriġt.
Għal dak il-wieħed. Dak il-wieħed issa sab għand min jista’ jersaq. Relazzjoni li għamlet d-differenza kollha.
Irrifletti:
- Min huma l-persuni li jagħmluhielek faċli li tersaq għandhom?
- Liema kwalità tixtieq tintegra aktar f’ħajtek biex tagħmilha faċli għal ħaddieħor jibni relazzjoni?
ii. “Jekk trid, tista’ tfejjaqni!” … “Irrid, kun imfejjaq”
Ġesù jirrepeti l-istess kliem: trid/irrid – tfejjaqni/kun imfejjaq. Però donnu jħalli kelma barra.
Il-kelma “tista’/dynasai”? Kelma li tindika l-qawwa li għandu fih Ġesù. Fejn insibuha?
It-test jgħidilna: “Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu …”
Il-qawwa li irrikonoxxiet dik il-persuna – tista’ – toħroġ mill-qalb ta’ Alla: “imqanqal mill-ħniena splanchnistheis”. Din il-qawwa tal-qalb tmexxi l-ġesti u l-kliem ta’ Ġesù: ġesti u kliem li jfejqu r-rifjut. Fejn bniedem jintrema ‘l barra minn kull relazzjoni.
Aħna ma nemmnux f’Alla li jista’ kollox!
Aħna nemmnu f’Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox … imħabba li tista’ kollox.
Il-forza ma tfejjaqx, ma tintegrax … ħafna drabi tkisser u tumilja.
Imma l-imħabba t’Alla tersaq b’mod ġentili, tinkoraġġixxi, tmiss ‘l qalb, tagħti dinjità, tqanqal.
Irrifletti
- Fejn kellek esperjenza ta’ mħabba li tfejjaq?
iii. “Ġesù f’ebda belt ma sata’ iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa’ barra”
Stramba.
Ġesù jista’ jfejjaq,
iżda ma jistax iwaqqaf lill-persuna milli ixxandar (Ġesù widdbu bis-sħiħ – dak beda jxandar l-aħbar).
Ġesù li resaq qrib tal-persuna mwarrba u għenha tidħol lura fil-belt,
issa ma jistax jidħol kif irid fil-belt.
L-imħabba għandha l-konsegwenzi.
L-imħabba ġġorr dak li jġarrbu l-persuni l-aktar vulnerabbli.
Ġesù jispiċċa jinqatel barra mill-belt – iġorr il-konsegwenzi tal-ħażen li jarmi n-nies ‘l barra: l-inġustizzja, il-qerq, l-għira, l-indifferenza …
Imma dak il-post imwarrab li jispiċċa fih Ġesù issa immarkat mis-setgħa tiegħu li qatt ma tintrebaħ: il-kompassjoni. U n-nies jiġu minn kullimkien biex imorru għandu għax fiH jagħrfu li Alla ma jarmi lil ħadd.
Ikkontempla:
- Fejn tagħraf il-preżenza t’Alla?
Flannery O’Connor, Mystery and Manners: Occasional Prose
“If other ages felt less, they saw more, even though they saw with the blind, prophetical, unsentimental eye of acceptance, which is to say, of faith. In the absence of this faith now, we govern by tenderness. It is a tenderness which, long cut off from the person of Christ, is wrapped in theory. When tenderness is detached from the source of tenderness, its logical outcome is terror. It ends in forced-labor camps and in the fumes of the gas chamber.”
- Fejn hemm it-tbatija, biex taparsi “nħennu” qed niġu mistiedna noqtlu. Fen tara dan ir-riskju?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.