Alla moħbi f’żerriegħa?

Alla moħbi f’żerriegħa?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħames Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’dan il-kliem:

Oħloq fija qalb safja, o Alla,
u spirtu qawwi ġedded fija. (Salm 51)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

F’dak iż-żmien, fost dawk li telgħu biex iqimu lil Alla fil-festa kien hemm xi Griegi. Dawn marru għand Filippu li kien minn Betsajda tal-Galilija, u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù”.

Filippu mar jgħid lil Indrì, u mbagħad Indrì u Filippu marru jgħidu lil Ġesù. U Ġesù weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem ikun igglorifikat. Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. Min iħobb lil ħajtu jitlifha; imma min jobgħod lil ħajtu f’din id-dinja jħarisha għall-ħajja ta’ dejjem. Jekk xi ħadd irid jaqdini, hu għandu jimxi warajja, u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi. Min jaqdi lili, il-Missier jagħtih ġieħ. Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda. U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”. Dak il-ħin instama’ leħen mis-sema: “Jien diġà gglorifikajtu, u nerġa’ nigglorifikah”.

In-nies li kienu hemm semgħuh, u qalu li kien qiegħed iriegħed. Oħrajn qalu: “Kellmu xi anġlu”. Ġesù wieġeb: “Dan il-leħen ma ġiex għalija, imma għalikom. Il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa. Issa se jitkeċċa l-Prinċep ta’ din id-dinja. U meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja”. Hu qal dan biex jurihom b’liema mewt kien sejjer imut.

(Ġwanni 12, 20-33)


Riflessjoni u talba:

i. “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesù” 

Tirranġalna!
Ma tantx tidher xi ħaġa kumplikata: tara lil Ġesù. Ġesù kien idur qalb in-nies. Ma kienx fil-qalba tat-tempju – fejn jidħol biss il-qassis il-kbir. Mhux suppost diffiċli tarah.
Imma fil-Griegi nibtet xewqa aktar profonda. Hemm xi ħaġa li l-bniedem qed ifittex li ma timteliex bil-kurżità. Għalhekk isibu dixxiplu, lil Filippu (li kellu isem Grieg). Dan imur jiddiskutiha ma’ Indri, imbagħad imorru jgħidu lil Ġesù … u bqajna ma nafux jekk rawhx!!

Daqshekk kumplikata jew hemm xi ħaġa iżjed?
Dak li qal lil Tumas jagħtina xi ħjiel? “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġwanni 20,29).
Is-sigriet mhux li tara l-forma fiżika ta’ Ġesù
iżda li tkun fejn ikun hu: “u fejn inkun jien, hemm ukoll ikun il-qaddej tiegħi.” (Ġwanni 12,26)
Jekk trid li tiskopri lil Dak li jimla l-qalb, lil Dak li jwieġeb għax-xewqat profondi li għandek, mur fejn qiegħed Ġesù, għix dak li jgħix Ġesù … imbagħad tara!

Irrifletti:

  • Il-Griegi kellhom xewqa qawwija? X’inhi x-xewqa profonda li hemm f’ħajtek bħalissa?

ii. “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha” 

Donnu Ġesù ma jweġibhomx!
Imma fil-fatt, fir-risposta, jurina li tassew “it-triq, il-verità, il-ħajja”.

Fir-risposta tiegħu niskopru bniedem li dejjem lest jitgħallem mill-ħajja, miftuħ biex jagħraf il-Kelma t’Alla fl-istorja, fil-ħajja, fil-bnedmin. Mill-mistoqsija ta’ grupp ta’ Griegi jagħraf li “is-siegħa waslet”. (F’Kana kien qal lil ommu “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”).

Niskopru bniedem li fid-dinamiżmu tan-natura jara lil Alla jaħdem.
Is-sigriet ta’ kif jaħdem Alla, is-sigriet tal-ħajja tagħna,
jinsab fil-proċess ta’ żerriegħa żgħira!!!
“Jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha. Imma jekk tmut tagħmel ħafna frott”.

Mhux li tingħalaq; mhux li tibża’ mill-ħajja; mhux li taħseb għal rasek; mhux li tibża’ mill-bidla: dik ħajja sterili; dik mhix ħajja!
Imma li tingħata; li tħobb: u ħajtek tħalli l-frott.
Forsi għalhekk qalilna li jekk il-fidi tagħkom tkun daqs żerriegħa ċkejkna iċċaqlaq il-muntanji?

Irrifletti

  • X’qed tgħallmek il-ħajja? X’tista’ titgħallem min-natura?
  • Fejn tħoss li ħajtek sterili bħalissa? Kif tispirak is-sentenza ta’ Ġesù?

iii. “Issa qiegħed inħoss ruħi mħawda” 

Ġesù ma jibgħatx lill-Griegi l-aħjar selfie li kellu!!!
Mhux ritratt irtukkat, propaganda, u gimmicks.
Lanqas perfezzjoniżmu robotiku ta’ xi bniedem tal-azzar, li ma jmissu xejn.

Jurihom “ruħu”.
Hemm fejn kull bniedem jgħix it-taqbida tal-ħajja.
Hemm fejn tista’ “titlef ruħek” għax tinġarr mill-biża’, titlef il-prinċipji u kull kriterju ta’ ġudizzju;
Hemm fejn hemm is-sigriet tal-qawwa tiegħu – il-qawwa li jrid jagħti lilna biex ma nitilfux ruħna. Fuq is-salib Ġesù “mejjel rasu u radd ruħu”. (Ġwanni 19,30)

X’inhi t-triq?
“U x’naqbad ngħid? Missier, eħlisni minn din is-siegħa? Imma jien għalhekk ġejt: għal din is-siegħa. Missier, agħti glorja lil ismek”

  • Prijorità tar-relazzjoni: Missier
  • Li jkollok kriterju: “jien għalhekk ġejt”
  • Li ma tpoġġix fl-ewwel post il-glorja personali tiegħek.

Ikkontempla:

Jekk ma tridx titlef ruħek, fit-taqbida li tkun għaddej minnha għix it-talba ma’ Ġesù:

  • Missierna
  • Jitqaddes ismek,
  • Tiġi saltnatek,
  • Ikun li trid int

Life will break you. Nobody can protect you from that, and living alone won’t either, for solitude will also break you with its yearning. You have to love. You have to feel. It is the reason you are here on earth. You are here to risk your heart. You are here to be swallowed up. And when it happens that you are broken, or betrayed, or left, or hurt, or death brushes near, let yourself sit by an apple tree and listen to the apples falling all around you in heaps, wasting their sweetness. Tell yourself you tasted as many as you could.

Louise Erdrich – The Painted Drum.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu,
Kif kien mill-bidu, issa u dejjem, għal dejjem ta’ dejjem.

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen

Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.