AVVIŻI – 7 ta’ Marzu 2021
L-avviżi tal-parroċċa għal matul din il-ġimgħa 7 sal-14 ta’ Marzu 2021:
1. L-Ewwel Qrara tat-tfal li ser jirċievu l-Ewwel Tqarbina
It-Tnejn 8 ta’ Marzu 2021 għat-tfal li jattendu l-Museum tas-Subien.
It-Tlieta 9 ta’ Marzu 2021 għat-tfal li jattendu ċ-Ċentru tal-Katekiżmu tal-Munxar.
Il-Ħamis 11 ta’ Marzu 2021 għat-tfal li jattendu l-Museum tal-Bniet.
L-Ewwel Qrara ser issir fil-Knisja Parrokkjali fl-4.30pm u l-ġenituri jiġu għat-tfal fil-5.20pm. Għal dawn il-laqgħat ser jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji relatati mal-Covid.
2. Lectio Divina – riflessjoni fuq il-Vanġelu tal-Ħdud tar-Randan
Nhar ta’ Tnejn matul iż-żmien tar-Randan, wara l-quddiesa tas-6.00pm ser nitolbu flimkien bil-Kelma ta’ Alla bi preparazzjoni għall-Ħdud tar-Randan. Għalhekk, it-Tnejn 22 ta’ Frar 2021 fis-6:30pm ikollna nofs siegħa mal-Kelma t’Alla u nispiċċaw fis-7:00pm. Inħeġġiġkom sabiex nattendu.
3. Mothers’ Prayers
L-Erbgħa 10 ta’ Marzu 2021 l-ommijiet kollha huma mistiedna sabiex nitolbu b’mod speċjali għal uliedna. Fid-9:00am tiġi ċċelebrata quddiesa fil-Kappella tal-Madonna tar-Rużarju fil-Villa Apap Bologna u wara mument ta’ riflessjoni sal-11:30am. L-ommijiet imħeġġa’ jattendu.
4. Quddiesa fi tmiem il-Kors ta’ Kana 2021
Il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu 2021 jiġi fi tmiemu l-Kors ta’ Kana b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali fis-7.30pm. Nirringrazzjaw lill-koppji mexxejja u nawguraw lil 24 koppja għarajjes li ħadu sehem.
5. Quddiesa u Barka fuq l-Omm u t-Tarbija fil-ġuf tagħha
Is-Sibt 13 ta’ Marzu 2021 fit-8.00pm ssir il-Quddiesa u l-Barka fuq l-Omm u t-Tarbija fil-ġuf tagħha bl-interċessjoni ta’ Sant’Anna li tħares lill-ommijiet u t-trabi fil-ġuf tagħhom. Mistiedna wkoll il-ġenituri li welldu tarbija biex jirringrazzjaw lil Alla.
6. It-Talba ta’ filgħodu tal-Knisja
Mit-Tnejn sal-Ġimgħa fis-7.25am nitolbu flimkien it-talba ta’ filgħodu tal-Knisja.
7. Via Sagra
Matul ir-Randan nhar ta’ Erbgħa u Ġimgħa jkollna t-talba tal-Via Sagra fil-Knisja Parrokkjali, għalhekk fil-5.15pm jkollna t-talba tar-Rużarju u fil-5.30pm il-Via Sagra.
8. Eżerċizzi għall-koppji
Mit-Tnejn 22 ta’ Marzu sal-Ġimgħa 26 ta’ Marzu ser issiru l-eżerċizzi għall-koppji fis-7.00pm fil-Knisja Parrokkjali. Nħeġġu lill-miżżewġin u lil dawk li qed jibnu familja sabiex jattendu għall-eżerċizzi. Ser imexxi l-eżerċizzi Fr Kevin Schembri.
9. Proġett 75 sena mit-twaqqif tal-Parroċċa
Fl-2024, il-Parroċċa ta’ Wied il-Għajn se tkun qed tfakkar il-75 sena mit-twaqqif tagħha. Bħala Parroċċa se nkunu qed niċċelebraw dan l-avveniment bi proġett komunitarju u bil-pubblikazzjoni ta’ ktieb, li jkollu wkoll l-għan li jiddokumenta dan il-proċess.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li niskopru mill-ġdid x’jagħmel lil Wied il-Għajn dak li hu, kif l-istejjer tal-art u tan-nies li joqogħdu fiha ntagħġnu flimkien, bit-tama li l-istorja ta’ Wied il-Għajn tkun apprezzata, mgħożża u mgħoddija lil ġenerazzjonijiet futuri ta’ Skalin.
Jekk tixtieq tagħmel parti minn dan il-proġett, nitolbuk timla’ dan il-kwestjonarju: http://marsaskalaparish.org/progett75 jew tieħu karta mis-sagristija.
Barra minn hekk, jekk għandek xi ritratti antiki ta’ Wied il-Għajn u li jistgħu jkunu murija f’esebizzjoni u/jew ikunu pubblikati fil-ktieb, nitolbukom tkellmu lil xi ħadd minna s-saċerdoti.