Tistagħġeb!

Tistagħġeb!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-14-il Ħadd tas-Sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Nidħol fil-presenza ta’ Alla b’sens ta’ tifħir:

Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.

(Salm 122)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skond San Mark

F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.

Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.

(Mark 6, 1-6)


Riflessjoni u talba:

i. Il-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu?”

Hemm stagħġib li jiftaħ il-qalb u l-moħħ biex jiskopru aktar. Hemm mistoqsijiet li juru ftuħ għall-ġdid, tiftix ta’ verità akbar milli skoprejt s’issa, passjoni għal dak li jagħmilna aktar umani.

Imma hemm ukoll stagħġib biex ma nieħdux posizzjoni, mistoqsijiet ta’ diffidenza sabiex ma nintlaqatx mill-ġdid, biex ma ninbidilx, biex nibqa’ indifferenti.

Irrifletti:

  • Liema mistoqsija ġġorr? Sabiex tiddefendi lilek innifsek jew biex tiskopri aktar?


ii. “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”.

In-nies tar-raħal jafu ħafna fatti fuqu: fatti vera! Jarawh bħalhom … u ma jistax ikun aktar minn hekk. Forsi jemmnu dak li kien qal Natanael: X’jista’ joħroġ tajjeb minn Nazaret.

L-għerf u l-qawwa tiegħu ifixkilhom. Li ma jafux (u ma jridux jafu għax ikollhom jieħdu posizzjoni) huwa li Ġesù mmexxi mill-Ispirtu: hemm Alla jaġixxi, jitkellem.

Hemm min ħalla kollox għax għaraf min hu!Hemm min, skandalizzat mill-għerf tiegħU, baqa’ mwaħħal!

Irrifletti

  • Min hu Ġesù għalik?


iii. u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

Huma jistagħġbu bħala difiża: biex ma jinbidlux!

Ġesù jistagħġeb għax jixtieq il-fidi tagħhom: jixtieqhom jikbru fl-umanità.

Li jilqgħu sfida, li jemmnu li tista’ toħroġ xi ħaġa tajba min-Nazaret, li l-umanità tagħhom tista’ tirċievi għerf u qawwa tal-qies ta’ Alla.

Irrifletti

  • Fejn qed tagħraf stedina biex tinbidel? Hemm xi persuna/rakkont li qed tgħaddilek sejħa minn Alla?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 



Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.