Tara l-ħajja min-naħa l-oħra!
Niċċelebraw l-Evanġelju ta' Santa Marija
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
F’lemintek is-Sultan, fid-dawl tal-glorja! (Salm 44)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej.”
Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”.
(Luqa 1, 39-56)
Riflessjoni u talba:
i. Marija qamet u marret tħaffef … Eliżabetta infexxet f’għajta kbira
Nisa li jħaffu, nisa li jgħajjtu (waqt li Żakkarija ma jistax jitkellem)
Nisa li jaraw il-ħajja min-naħa l-oħra …
Min-naħa l-oħra tad-diżappunt tat-taqbida mal-impossibbli, ta’ 180 ġurnata li nqatgħet is-sentenza: m’hemmx x’tagħmel iżjed! Sterili! min-naħa l-oħra taċ-ċokon, min-naħa l-oħra tal-qabar.
Jaraw il-ħajja min-naħa ta’ Dak li “xeħet għajnejh” fuq iċ-ċokon, fuq id-diżappunt, tal-qaddejja tiegħu…
Issa jaraw il-ħajja tagħhom u ta’ madwarhom mill-għajnejn tiegħU.
Irrifletti:
- Minn liema angolu tħares lejn il-ħajja? Tkaxkar saqajk jew tħaffef?
ii. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej
Ħienja dik li ma ratx u emmnet li emmnet u bdiet tara li emmnet li “għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir”! li dak li qed jissawwar fil-ġuf se jsawwar soċjetà ġdida.
Ħienja dik li emmnet … u baqgħet miexja fil-mumenti ta’ dlam. Meta l-ħażin deher li qed jirbaħ, U baqgħet tinkoraġġixxi l-qaddejja jagħmlu xi ħaġa, Anke meta Alla deher sieket u l-inbid ġa spiċċa. Hemm hena ħiereġ mill-fidi (anke meta r-riżultati u s-suċċess sparixxew!)
Irrifletti
- Xi jfisser għalik tafda lil Alla?
iii. “minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja”
“għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar”
Hienja għax fiċ-ċokon tagħraf kuljum is-sorpriżi ta’ imħabba kbira! “il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien”
Hienja għax tafda f’Alla
Hienja għax ratu jniżżel is-setgħana u jgħollu ċ-ċkejknin
Hienja għax setgħet tara li m’hemm l-ebda imperu ta’ terrur li ser jibqa’ għal dejjem, l-ebda ħażen mhu se jkollu l-aħħar kelma
Hienja hija u tara l-kuraġġ ta’ min jieqaf lis-suppervja, lir-razziżmu, il-kilba (fihom infushom u fis-soċjetà)
Hienja hija u tara is-sempliċità ta’ min imidd idejh biex jagħti kontribut għat-tajjeb, għall-integrazzjoni ta’ min hu mwarrab, għall-ħarsien tal-ambjent, għas-sostenn ta’ xulxin fil-familja, għal policies tajbin u li jsaħħu l-ġid tal-persuni u tal-ġid komuni …
Irrifletti
- X’inhu li jnissel hena fik?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.