3 pariri quddiem il-kaos.
Niċċelebraw l-1 Ħadd tal-Avvent – Sena C
Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej. (Salm 24)
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Ikun hemm sinjali fix-xemx u l-qamar u l-kwiekeb. Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja, għax il-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu.
Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira. Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għall-għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha. Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
(Lq 21:25-28,34-36)
Riflessjoni u talba:
i. Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom.
Faċli li l-qalb tingħafas b’ansjetà u diżorjentament
quddiem it-taqlib u t-taħwid;
l-unika għażla hija li mmewwet il-qalb?
biex ma tħossx, biex ma niddeċidix:
u jirbaħ il-qtiegħ il-qalb!
Hemm triq oħra,
dik ta’ min kapaċi jħares lil hinn,
bit-tama
ma’ Ġesù fuq is-salib li jirrifjuta x-xorb li jmewwet il-qalb,
biex jibqa’ attent b’fiduċja fil-Missier:
il-ġisem qed jinqatel, il-qalb qed tħabbat isbaħ.
Irrifletti
- X’tip ta’ attenzjoni qed jitlob minnek?
ii. Tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom
Hemm stennija anzjuża, mimlija insigurtà u inċertezza:
twassalni għal tħassib żejjed,
preokkupazzjoni żejda dwari nnifsi –
rasi meħuda fuq kif se jkolli s-suċċess u nassigura l-aħjar immaġni tiegħi nnifsi –
filwaqt li tiżdied l-ansjetà li nitlifhom.
Ġesù joffri triq oħra:
li ma naljenax rasi u ninsa dak li jiswa, dak li jibqa’:
“Hekk ukoll intom, toqogħdux tfittxu x’se tieklu u x’se tixorbu, u xejn titħassbu; dawn kollha ħwejjeġ li jfittxuhom in-nies tad-dinja, u Missierkom jaf li teħtiġuhom. Fittxu mela s-Saltna tiegħu, u magħha mbagħad iżidilkom dawn ukoll.” (Lq 12, 29-31)
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li tfittex is-Saltna tal-Missier?
iii. “Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
Hemm biża’ li jhedded li jipparalizzana,
speċjalment meta mdawwrin mill-kaos u l-konfużjoni!
Ġesù joffri triq oħra:
Ishru u itolbu:
Qum fil-lejl tal-ħajja u ara lil hinn mid-dlam;
Agħmel dik ix-xi ħaġa iżjed u tikkuntentax b’dak li hemm;
ħarreġ il-qalb biex tara fid-dlam is-sinjali t’Alla;
Sib il-qawwa u l-kuraġġ biex timxi u ma tinħakimx mill-iskuraġġiment;
Fis-solitudni tinħakimx mill-paniku
iżda għix fil-presenza ta’ dak li “jaf”, li jaf minn xhiex għaddej,
li jħobbni.
Irrifletti
- Ieqaf ftit waħdek, ressaq il-biżgħat tiegħek u itlob b’Salm 139:
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. …
Dawramejt int tħaddanni, u tqegħdli idek fuqi.
L-għerf tiegħek tal-għaġeb …
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.