Dan mod kif tmexxi?

Dan mod kif tmexxi?

Niċċelebraw l-34 Ħadd matul is-sena – Kristu Re

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej isaltan, il-kobor libes.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”. Ġesù wieġeb: “Dan qiegħed tgħidu int minn moħħok, jew kienu oħrajn li qalulek dan fuqi?”. Pilatu wieġeb: “Mela jiena Lhudi? Kien il-poplu tiegħek u l-qassisin il-kbar li tawk f’idejja. X’għamilt?”.

Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja. Li kieku saltnati kienet ta’ din id-dinja, l-għases tiegħi kienu jiġġieldu biex ma ningħatax f’idejn il-Lhud; imma tabilħaqq saltnati mhijiex ta’ hawn”.

Pilatu qallu: “Mela int sultan?”. U Ġesù wieġeb: “Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

(Ġw 18:33b-37)

Matthias Stomer: Jesus before Pilate

Riflessjoni u talba:

i. Pilatu sejjaħ lil Ġesù u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?”

Pilatu jsaqsi bla ma jfittex,
taw lil Ġesù f’idejh imma mhux interessat fih,
poter assigurat, opportunità mitlufa.

Ġesù ma jitfixkilx:
jibqa’ interessat,
id-dawl anke fid-dlam ifittex li jdawwal.


Irrifletti

  • Ieqaf ftit! (mill-ġirja tal-kontroll!)
pexels/driven by fear we rule by manipulation


ii. Ġesù wieġeb: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja

Is-Saltna tiegħu
mhix tal-faxxinu bil-ħażen, bil-vjolenza;
mhix ta’ min ifittex li jimponi jew jeħles min-nies;
mhix ta’ min jittollera l-ħażen u l-istmerrija tal-bniedem;
mhix ta’ min jispiċċa jiċħad lilu nnifsu u l-kuxjenza tiegħu
għax jibża’ … li jitlef il-poter,
għax jibża’ minn xi Ċesari,
għax jibża’ mill-“opinjoni” tal-massa ….

Irrifletti

  • Liema biża’ jrid jisraqlek l-umanità profonda tiegħek?
pexels/tima miroshnichenko: driven by truth we rule by love


iii. “għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”

Pilatu mhux interessat fil-verità …
dik irrelevanti!
Jaħsel idejh u jitlef min hu.
 
Ġesù mhux interessat fil-poter … iżda l-verità.
Triq fraġli ħafna …
mhux fl-armata vjolentili tiddefendih li s-saltna tiegħu tikber
iżda f’kull persuna li tagħżel li tuża’ għodda umli: il-widnejn,
li tisma’ leħnu,
li tikber fil-libertà u r-responsabbiltà,
li tibni relazzjonijiet immarkati mill-ġentilezza
ta’ dak li b’idejh marbuta u qalb miftuħa
isalva d-dinja.

Irrifletti

  • Fejn tapprezza l-paradoss ta’ kif imexxi Ġesù?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.