Iftħu għajnejkom!

Iftħu għajnejkom!

Niċċelebraw it-32 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej! (Salm 145)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi.

Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.  

(Mk 12:38-44)

pexels/james wheeler: place of transparency or disguise?

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom …”

Tielgħa ftit ftit – ifejjaq għama (għal wieħed, tnejn)… u fl-aħħar wasal.
Issa Ġerusalemm …
fit-tempju
fil-post fejn suppost hemm trasparenza,
il-post tal-intimitá bejn Alla u l-poplu
minn fejn jistgħu joħorġu għejun li jagħtu l-ħajja.

Imma mhux kulħadd bħall-kittieb onest li jfittex il-veritá –
Ħobb lil Alla b’qalbek kollha … u lil għajrek bħalek innifsek –
It-tempju jaf jinbidel fil-post tal-akbar traġedja:
Alla jisparixxi, il-bniedem jadura lilu nnifsu
u jberbaq il-ġid tal-fqar!
Iftħu għajnejkom!


Irrifletti

  • Fit-talb tiegħek min hemm fiċ-ċentru?
pexels/josh hild: a deeper look


ii. Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor

Ġesù għajnejh miftuħa!
Iħares
Attent …
jinżel fil-qalba tal-affarijiet.
Il-kontribut tiegħu mhux xi maġija,
iżda l-fejqan tal-qalb biex issir aktar umana.
Jagħraf il-motivazzjonijiet,
x’imexxi d-deċiżjonijiet,
x’hemm wara l-azzjoni (anke jekk donazzjoni tajba).

 

Irrifletti

  • X’inhu li jmexxik fil-ħajja?
pexels/riya kumari: there’s a deeper beauty


iii. din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor”

Bħal Bartimew li jsir il-mudell tad-dixxiplu,
l-armla issir ix-xempju ta’ min jidħol fit-tempju.
Dawk li suppost jispjegaw il-Kelma t’Alla –
il-kittieba –
li jimpressjonaw b’mod jew b’ieħor,
jispiċċaw dawk li jberbqu ġid ir-romol.

Imma l-armla tingħata b’mod sħiħ lil Alla,
u l-ġid li joħroġ mhux kalkulat bl-ammonti tal-flus:
anke jekk ammonti kbar, aktarx perċentaġġ żgħir mill-qliegħ korrott.

Irrifletti

  • X’jgħinek biex tintelaq f’idejn Alla u l-imħabba tiegħu?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.