Il-kobor fiċ-ċokon.

Il-kobor fiċ-ċokon.

Niċċelebraw it-33 Ħadd matul is-sena

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn. (Salm 15)


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

(Mk 13, 24-32)

pexels/jinjireh: the ability to be surprised

Riflessjoni u talba:

i. ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema …

Tara l-kobor jiċċekken, ġieli jixxejjen,
dak li nassolutizzah u nagħmlu “alla tiegħi”,
narah jiċċajpar u jitlef il-faxxinu tiegħu,jiddiżappuntani!Jiġu mumenti fejn donnu d-dinja tiegħi waqgħet,
falliment ta’ xi ħaġa importanti f’ħajti,
waqgħa ta’ persuna li kelli fiduċja għamja fiha:
F’daqqa waħda l-futur ġie inċert.
Issa mistieden nerġa nfittex, nisma’, ninnota
s-sinjali tal-futur:
“Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddux”


Irrifletti

  • Liema kwiekeb waqgħu? Kif taraha illum?
pexels: what’s forever?


ii. Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola …

Il-kobor fiċ-ċokon!
Il-kwiekeb jaf jaqgħu,
iżda fergħa tirtab ta’ tina issir parabbola,
iġġorr il-kliem ta’ Alla li ma jgħaddix,
titkellem fuq wegħda li ser isseħħ,
is-sajf u t-tina bnina,
it-tama fraġli iżda aktar qawwija mix-xemx u l-qamar.
Mistieden nisma’, nikkontempla
il-kelma t’Alla li tasal għandi permezz ta’ fergħa li qed tirtab.

 

Irrifletti

  • X’mistieden tisma’?
  • “If we listen attentively we shall hear, amid the uproar of empires and nations, a faint flutter of wings, a gentle stirring of life and hope.” … Albert Camus
pexels/magda ehlers: listen to God whispering the future


iii. “Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu … ħadd ħlief il-Missier”

Jien kieku xtaqt aktar ċertezza,
il-ġurnata u l-ħin xħin jasal pakkett,
il-kif u x’fatta tas-Saltna t’Alla isseħħ,
ftit iżjed kontroll fuq dak li għaddej u dak li ser jiġri.
Iżda kulma niskopri huwa
li hemm “Missier” li jaf …
 
u hemm Iben li “ma jafx”
iżda jimxi b’fiduċja fil-Missier
li jikkontempla anke tina li qed tarmi
li jwettaq azzjonijiet immexxi mit-tama
li jsejjaħli biex nimxi warajH
 
bl-istess fiduċja
bl-istess ħarsa kontemplattiva
bl-istess impenn għal futur bnin li ma nafx meta ser jasal!

Irrifletti

  • X’tfisser it-tama f’ħajtek?

Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.