Kif tgħix ta’ nies?

Kif tgħix ta’ nies?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-1 Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Kun miegħi, Mulej, fid-dwejjaq.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù, mimli bl-Ispirtu s-Santu, raġa’ lura mill-Ġordan u l-Ispirtu ħadu fid-deżert. Hemm għal erbgħin jum Ġesù kien imġarrab mix-Xitan. Matul dawk il-jiem ma kiel xejn; u mbagħad, meta għaddew dawk il-jiem, ħadu l-ġuħ. U x-Xitan qallu: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il-ġebla ssir ħobż”. Wieġbu Ġesù: “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”.

Imbagħad ix-Xitan ħadu fl-għoli u wrieh is-saltniet tad-dinja kollha f’daqqa. Qallu x-Xitan: “Nagħtik is-setgħa fuq dawn kollha, bil-glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun”. Ġesù wieġbu u qallu: “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”.
Imbagħad ix-Xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub: “Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa”, u li: “fuq idejhom jerfgħuk, ħalli ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla”. Wieġeb Ġesù u qallu: “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”.
Imbagħad ix-Xitan, meta temm dan it-tiġrib kollu, telaq minn ħdejh sa ma wasal il-waqt.

(Lq 4, 1-13)

pexels/samuel jeronimo: stone to bread?

Riflessjoni u talba:

i. “Hemm miktub: Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix”

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix:
għandu bżonn il-ġebel ukoll!
 
Għax jekk xħin jaqbadni l-ġuħ,
kull ġebla nibdilha ħobż,
kull għalqa u siġra nibdilha f’ġebel,
ħalli ssir ħobż għal snieni,
imbagħad anke qalbi nibdel f’ġebel
biex forsi jkolli l-ħobż!

Irrifletti

  • X’hemm bżonn aktar biex tgħix?
  • Xi tfisser li Hu ta lilu nnifsu bħala l-ħobż tal-ħajja?
pexes/michael burrows: adore who?


ii. “Hemm miktub: Lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi”

Lilu BISS taqdi!
Naraha ftit eżaġerata!
Possibbli jillimita lilu daqshekk?
M’għandux ikolli spazju għal ftit kontroll u setgħa?
 
Imma ma’ dak il-prinċipju jibqa’ jżomm:
lill-Mulej, Alla tiegħek, tadura, u lilu biss taqdi.
 
Qed narah fallut, imsallab, maqtul:
għax min ma adurax lil Alla ħaseb li għandu s-setgħa
li jista’ jagħżel lil min ifalli, isallab, joqtol.
 
Imma dak li baqa’ jagħżel li Alla biss jaqdi,
sab li għandu s-setgħa kollha biex jerfa’, iwieżen, jagħti l-ħajja.

Irrifletti

  • Lil min taqdi?
pexels/chinmay singh: respect who?


iii. “Jingħad: Iġġarrabx lill-Mulej Alla tiegħek”

Tidher eħfef
li nagħmel li jidhirli u imbagħad jirranġa Alla;
li nibni fil-wied u nippretendi li Alla jibdel ir-rotta tal-ilma;
li ma nieħux ħsieb saħħti u nistenna li jagħmlu tajjeb it-taxxi ta’ sħabi;
li nipprattika l-infedeltà u nitlob li t-tfal ma jbatux;
li nappoġġja l-korruzzjoni u nassumi li l-fqar tort tagħhom;
li nifrex il-velenu tat-tixwix u nistenna li jikbru l-fjuri tal-għaqda;
li naħraq l-arja u ndewweb is-silġ u nippretendi li l-baħar ma jiblax l-art.
 
Imma dak li sar bniedem
għażel li jgħix ta’ bniedem
li jirrispetta l-limiti tal-bniedem u ta’ kull ħlejqa oħra
li ma jġarrabx lill-Mulej Alla tiegħu.
U sab lilu nnifsu jwettaq il-mirakli li jwettaq Alla.

Irrifletti

Kif tapprezza l-limiti u tkun kreattiv fihom?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.