Kuntrasti f’armonija

Kuntrasti f’armonija

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tar-Randan

Preparazzjoni:
Ipprepara ħin u post għat-talb: xemgħa, Bibbja, silenzju.


Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob. U ġara li huwa u jitlob, id-dehra ta’ wiċċu tbiddlet u l-ilbiesi tiegħu saru ta’ bjuda li tgħammex.

U kien hemm żewġt irġiel jitħaddtu miegħu, Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm. Pietru u sħabu kienu mejtin bin-ngħas, imma baqgħu mqajmin sewwa, u raw il-glorja tiegħu u ż-żewġt irġiel li kienu miegħu. Xħin dawn it-tnejn kienu se jinfirdu minnu, Pietru qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Ma kienx jaf x’inhu jgħid.
Waqt li kien qiegħed jgħid dan, ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”. Malli nstama’ l-leħen Ġesù sab ruħu waħdu. Huma żammew is-skiet, u għal dawk il-jiem ma qalu xejn lil ħadd minn dak li kienu raw.

(Lq 9:28b-36)

pexels/mikhail nilov: embraced by the sky

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù ħa miegħu lil Pietru, lil Ġwanni u lil Ġakbu, u tala’ fuq il-muntanja biex jitlob

“Kulħadd iżomm postu”, jgħidulna:
“aħna hawn fl-art u l-allat fis-sema!”
Ikaru ipprova jitla’ sax-xemx imma spiċċa jdub ‘l isfel.
Forsi jkollna nibqgħu nitkaxkru hawn isfel?
Forsi l-unika aspirazzjoni li nistgħu noħolmu
hija li nitilgħu fuq l-oħrajn!
 
Ġesù jiftaħ triq oħra:
is-sema u l-art jiltaqgħu,
il-wiċċ jinbidel, l-ilbies jiddi,
fil-qalb tallaba ix-xemx tiddi minn ġewwa,
Alla jgħammar f’nofsna!

Irrifletti

  • Xi jfisser għalik it-talb?
pexels/skylar kang: to be (light) or not to be


ii. Mosè u Elija, li dehru fil-glorja, jitħaddtu fuq it-tmiem ta’ ħajtu li kellu jseħħ f’Ġerusalemm

Donnu hemm stunatura!
Donnu ma jmorrux flimkien:
Il-“glorja” u “tmiem ħajtu … f’Ġerusalemm”!
Jekk glorja timplika “suċċess”,
ma hemmx spazju għall-falliment.
Jekk Ġerusalemm il-post tal-poter,
li ttemm ħajtek hemm tpoġġik fid-dinja tat-telliefa!
 
Imma jekk glorja timplika “l-presenza t’Alla”u “d-dija tiegħU”,
jekk dak li rajna l-glorja tiegħu itemm ħajtu hemm,
allura mill-mewt Alla kapaċi joħroġ ir-rebħa,
it-telliefa jistgħu isibu t-tama,
il-poter jista’ jinbidel servizz li jsalva.

Irrifletti

  • Liema tip ta’ glorja taspira għaliha?
pexels/pixabay: to walk by faith not by sight


iii. … ġiet sħaba u għattiethom u huma beżgħu kif daħlu fis-sħaba. U minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu!”.

Qabel kienu qed jaraw (il-glorja tiegħu)
u xtaqu tliet tined.
Issa ma għadhomx jaraw,
u imtlew bil-biża’.
 
Qabel ma kienx hemm ħjiel li qed jisimgħu,
imma issa iva:
“Dan hu Ibni l-maħtur, lilu isimgħu”!
 
Matul il-vjaġġ tal-ħajja ħafna drabi ma narawx:
bla mappa, bla suċċessi.
Imma hemm triq oħra: li tisma’ lilU,
li tħallih jurik il-liwja li jmiss fil-ħin tagħha
li timxi bil-kriterji tiegħu,
bla mappa iżda mimli glorja
b’fiduċja sħiħa fiH.

Irrifletti

Xi tfisser għalik li tkun ġenwin? Awtentiku?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.