Tinħakimx!

Tinħakimx!

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-18-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.
U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel’, qal, “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.

(Lq 12:13-21)

pexels/pixabay: a degree of control is necessary but not as a philosophy of life

Riflessjoni u talba:

i. Xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”

Kultant naħsbu li l-mard jista’ jfejjaq!
Xi ħadd mill-folla jimmaġina
li jista’ jordna lil Ġesù
biex jikkontrolla lil ħuħ
ħalli ħuħ jieqaf jikkontrolla l-wirt
ħalli t-tnejn ikollhom l-istess ammont ta’ ġid
x’jikkontrollaw!
 
Il-kontroll ma jfejjaqx ir-regħba!
 

Irrifletti

  • Kif titla’ fik ix-xewqa li tikkontrolla?
pexes/suzy hazelwood: stories matter …


ii. “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?

Ġesù jevita li xi ħadd jikkontrollah
bħalma jevita li jikkontrolla l-persuni
jew li jiddividi il-ġid.
 
Jagħżel minflok li jgħid storja:
li toħroġ il-libertà u l-kreattività ta’ min jgħidha
filwaqt li tkabbar il-libertà ta’ min jismagħha
u tfejjaq l-illużjoni li l-ħajja tista’ tikkontrollaha b’xi mod!
 
Ifejjaq mhux billi jordna u jiddividi
mhux billi jikkontrolla b’distanza
iżda billi jirċievi, jaqsam u joqrob:
“Qabad il-ħobż, bierek, qasam, u ta …”

Irrifletti

  • Għandek xi esperjenza ta’ x’jiġifieri taqsam mal-oħrajn?
pexels/maria orlova: make space for empty spaces and discover the skies


iii. “Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla!”

Ġesù ma jġibx fix-xejn il-miżuri li jħarsu l-ġustizzja!
Imma jagħżel li jfejjaq il-kawża:
jekk immexxi minn storja żbaljata –
li jekk niġma’ ħafna se jkolli aktar kontroll fuq ħajti –
kulma tagħmel dik l-istorja, huwa li ġġibek titkellem waħdek!!
Waħdek!
 
Imma kif tkun ħajtek jekk tistagħna fid-direzzjoni t’Alla?
Jekk tgħix mill-fiduċja u mhux mill-kontroll?
Jekk tfittex li tibni dinja aħjar għal kulħadd u mhux għalik biss?
Jekk tħares kemm il-ġid tiegħek kif ukoll ta’ ħuk?
Jekk tuża’ l-ġid biex tibni s-Saltna t’Alla?
Irrifletti
Iltqajt ma’ xi ħadd li għandu din il-libertà sabiħa quddiem il-ġid?

Irrifletti

  • X’tixtieq tgħaddi lill-oħrajn?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.