Meta titlob.
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-17-il Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:
‘Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.
Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.
U aħfrilna dnubietna,
għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,
u la ddaħħalniex fit-tiġrib’”.
Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: ‘Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih’. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: ‘Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik’. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.
Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”.
(Lq 11:1-13)
Riflessjoni u talba:
i. “Mulej, għallimna nitolbu” … “Meta titolbu, għidu …”
Ma daħalx fit-teknika tan-nifs
tiftaħx jew tagħlaqx għajnejk
liema posizzjoni jew post ideali
Iżda l-użu tal-kapaċità tal-lingwa
li tlissen kliem
li tidħol f’relazzjoni
li toħroġ u tesplora lil hinn minnek innifsek
tfittex u ssib …
Irrifletti
- Thewden jew titlob?
ii. “Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek …”
X’qalilhom biex tiegħu ftakruh (u ta’ Ġwanni l-Battista donnu sparixxa)?
X’kienn hemm tant prezzjuż li baqa’ jgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra?
X’inhi s-sigriet tat-talb ta’ Ġesù?
Li tista’ ddur (forsi anke bla ma ddur) lejn Alla
u tgħidlu
“Pa”.
u tapprezza
u tixtieq li t-tjubija, l-għerf, il-ġustizzja, s-sbuħija … t’Alla jinfirxu.
Irrifletti
- X’tixtieq tgħid lil Alla?
iii. “… kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”
Diversi jsostnu li l-biċċa l-kbira tal-kumplessitajiet li nġorru
ġejjin mill-ġerħa tal-missier,
mill-assenza tal-missirijiet
min-nuqqas ta’ fiduċja li persuna tista’ tgħaddi l-għerf tal-ħajja lil ta’ warajha.
Ġesù jgħix mir-relazzjoni ta’ fiduċja sħiħa fil-Missier,
u jfejjaq il-ġerħa billi joffri xi ħaġa prezzjuża lid-dixxipli!
Minn issa ‘l quddiem ma jiddejqux jidħlu f’relazzjoni ta’ fiduċja.
Qatt m’hu tard li niskopru din il-fiduċja,
li eventwalment tgħinna ngħaddu xi ħaġa prezzjuża aħna wkoll lil min jitlobna!
Irrifletti
- X’tixtieq tgħaddi lill-oħrajn?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.