Vojt bla qies!
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-26 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-Fariżej: “Mela kien hemm raġel għani, jilbes il-porpra u għażel mill-ifjen; l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar. U wieħed fqir jismu Lazzru, li kellu ġismu ġerħa waħda, kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani. Sal-klieb kienu jmorru jilagħqu l-ġrieħi tiegħu.
Ġara li l-fqir miet, u l-anġli ħaduh fi ħdan Abraham. Imbagħad miet ukoll l-għani, u difnuh. Dan, kif sab ruħu fi tbatijiet ħorox f’Art l-Imwiet, rafa’ ħarstu, u mill-bogħod lemaħ lil Abraham, b’Lazzru fi ħdanu. U għolla leħnu u qallu: “Missier Abraham, ikollok ħniena minni u ibgħat lil Lazzru jbill tarf sebgħu fl-ilma ħa jtaffili n-nixfa li għandi fi lsieni, għax qiegħed ninħaqar wisq f’dan in-nar”.
Iżda Abraham qallu: “Ibni, ftakar li t-tajjeb tiegħek irċevejtu f’ħajtek; hekk ukoll Lazzru, il-ħażin irċevieh f’ħajtu. Imma issa hu hawnhekk qiegħed jitfarraġ, waqt li inti qiegħed tbati. Barra minn dan, hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’, u anqas ma jgħaddu minn hemm għal għandna”. Qallu l-għani: “Mela nitolbok, missier, ibagħtu f’dar missieri, għax għandi ħames aħwa, ħalli jagħmlilhom twissija kif imiss, li ma jmorrux huma wkoll jiġu f’dan il-post ta’ tbatijiet ħorox!”. Qallu Abraham: “Għandhom lil Mosè u l-Profeti; jisimgħu lilhom”. Qallu dak: “Le, missier Abraham, imma jekk imur għandhom xi ħadd mill-imwiet, jindmu”. Iżda wieġbu Abraham: “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”.
(Lq 16:19-31)
Riflessjoni u talba:
i. (L-għani) l-hena tiegħu kien li kuljum jagħmel ikla mill-aħjar … (Lazzru) kien imur jinxteħet ħdejn il-bieb ta’ daru, bix-xewqa li jixba’ b’dak li jaqa’ mill-mejda tal-għani
Hemm kumdità li tagħmel il-ħajja skomda:
għax nibdew naraw biss sal-ponta ta’ mneħirna,
għax alla tagħna ssir żaqqna,
u ħuna jsir inviżibbli,
jekk mhux ukoll narawh piż.
Irrifletti
- X’inhu l-hena tiegħek bħalissa?
ii. hemm vojt bla qies bejnkom u bejnna, biex min ikun irid jaqsam minn hawn għal għandkom ma jkunx jista’
Vojt bla qies!
Id-distanza ċkejkna bejn il-mejda mimlija tal-għani u l-bieb tal-ġuħ ta’ Lazzru,
kapaċi ssir vojt bla qies
li jifred
għax il-qalb ingħalqet … tbattlet.
Irrifletti
- Fejn qed tikber distanza li aħjar tieħu ħsiebha?
iii. “Jekk ma jisimgħux lil Mosè u l-Profeti, anqas jekk iqum xi ħadd mill-imwiet ma jemmnu”
Anke l-qawmien mill-imwiet kapaċi nirriduċuh f’show,
enternainment għas-sodisfazzjoni personali
waqt li nehdew f’ikliet mill-aħjar.
Allura, la toqtolx lill-profeti
meta jġibuk f’sensik, meta jgħidulek tqum minn fuq il-mejda,
meta jgħidulek “li kollox idur miegħek mhix ħajja”.
Irrifletti
- Liema leħen tassoċjah ma’ leħen il-profeti? Xi sfida qed jgħaddilek?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.