Xi jrid jgħid biha?

Xi jrid jgħid biha?

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-25 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Faħħru lill-Mulej, li jerfa’ l-fqir.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kien hemm raġel għani li kellu amministratur, u lil dan xlewh lil sidu li kien qiegħed iberbaqlu ġidu. Għalhekk is-sid sejjaħlu u qallu: ‘Dan x’inhu li qiegħed nisma’ fuqek? Agħtini kont tal-amministrazzjoni tiegħek, għax ma tistax tibqa’ iżjed amministratur tiegħi’. L-amministratur bejnu u bejn ruħu qal: ‘Issa x’sejjer nagħmel, ladarba sidi se jneħħini mill-amministrazzjoni? Immur nagħżaq? Ma niflaħx. Nittallab? Nistħi. Naf x’nagħmel, ħalli meta nitwarrab minn fuq din l-amministrazzjoni, insib lil ħaddieħor li jilqagħni għandu’.


U wieħed wieħed bagħat għal dawk li kellhom jagħtu lil sidu. ‘Kemm għandek tagħtih lil sidi?’, staqsa lill-ewwel wieħed. ‘Mitt barmil żejt’, wieġbu dak. Qallu l-amministratur: ‘Oħroġ il-karti tiegħek, oqgħod bilqiegħda malajr u ikteb ħamsin’. Lil ieħor staqsieh: ‘U int, kemm għandek tagħti?’. ‘Mitt xkora qamħ’, wieġbu. Qallu: ‘Oħroġ il-karti tiegħek u ikteb tmenin’.


U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom. U jiena ngħidilkom: agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem.


Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna; min hu diżonest f’ħaġa tassew żgħira, hu diżonest ukoll fil-ħafna. Jekk mela ma wrejtux ruħkom fidili fil-qligħ il-ħażin, min se jafdalkom il-ġid veru? U jekk ma wrejtux ruħkom fidili f’dak li hu ta’ ħaddieħor, min se jagħtikom dak li hu tagħkom? Ebda qaddej ma jista’ jaqdi żewġ sidien, għax jew ikun jobgħod lil wieħed minnhom u jħobb lill-ieħor, jew jintrabat ma’ wieħed u jistmell lill-ieħor. Ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus”.

(Lq 16:1-13)

pexels/robert nagy: perplexity can lead to new insights

Riflessjoni u talba:

i. U s-sid faħħru lil dak l-amministratur ħażin talli ħadem b’rasu …

Ma faħħrux għax berbaqlu ġidu,
ma faħħrux għax kien amministratur ħażin:
‘ma tistax tibqa’ amministratur tiegħi’
 
Faħħru għax ġie f’sensih,
għax ħadem b’rasu,
għax ħa azzjoni kreattiva mill-ewwel biex issa jħares il-ġid, il-futur!

Irrifletti

  • Hemm xi esperjenza li ġabitek f’sensik u ħadt azzjoni f’waqtha?
pexes/rodnae productions: seek quality


ii. Għax ulied din id-dinja jimxu bil-għaqal aktar minn ulied id-dawl ma’ min hu tal-qatgħa tagħhom
.

Ġesù josserva l-għaqal
il-ħsieb, l-attenzjoni, id-dettal,
li jidħlu fih tant nies biex jieħdu ħsieb u jkattru l-ġid li jgħaddi.
 
U josserva ċertu telqa
nuqqas ta’ ħsieb, għażż, superfiċjalità
f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħwejjeġ t’Alla, mal-ġid veru, ma’ dak li jibqa’.

Irrifletti

  • Fejn tara stedina biex tieħu ħsieb il-ħajja t’Alla aktar bis-serjetà?
pexels/rodnae productions: embrace faithfulness and trust


iii. Min hu fidil f’ħaġa tassew żgħira, hu fidil ukoll fil-ħafna

Ibda minn fejn int!
Agħti ħarsa fuq dak li qed jiġi afdat f’idejk bħalissa,
ibni relazzjoni ta’ fedeltà, ta’ attenzjoni b’imħabba, ta’ kura
u agħżel għal min tixtieq tagħmel dak li qed tagħmel:
għall-flus jew għal Alla?

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li taqdi lil Alla?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.