Teħles minn ċirku vizzjuż

Teħles minn ċirku vizzjuż

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-30 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola: “Żewġt irġiel, wieħed Fariżew u l-ieħor pubblikan, telgħu fit-tempju biex jitolbu. Il-Fariżew, wieqaf, talab hekk f’qalbu: ‘O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija tal-bnedmin, ħalliela, inġusti, żienja, jew ukoll bħal dan il-pubblikan. Jiena nsum darbtejn fil-ġimgħa u nħallas l-għexur ta’ kulma ndaħħal’. Iżda l-pubblikan, bilwieqfa fil-bogħod anqas biss ried jerfa’ għajnejh lejn is-sema, imma beda jħabbat fuq sidru u jgħid: ‘O Alla, ħenn għalija, għax jien midneb!’. Ngħidilkom jien li dan, u mhux l-ieħor, niżel id-dar iġġustifikat. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.

(Lq 18, 9-14)

pexels/when the gaze becomes short-sighted

Riflessjoni u talba:

i. Kien hemm uħud li kienu jafdaw fihom infushom li huma ġusti u kienu jmaqdru lill-oħrajn. Ġesù qalilhom din il-parabbola …

Hemm bżonn parabbola oħra!
Storja kreattiva
li tnissel interess, kurżità,
li tbexxaq bieb
sabiex meta bħal bebbuxu
ningħalaq fija nnifsi
u naħseb li jien biżżejjed għalija nnifsi
u nibda nħares b’disprezz lejn l-oħrajn,
insib parrabbola li tisdenni noħroġ
u napprezza x-xemx
li ddawwal lili u lil persuni oħra
fraġli bħali.
 

Irrifletti

  • B’liema ġest ġentili qed jistiednek toħroġ Alla?
pexes/cottonbro: when the only thing we do is to classify people


ii. Il-Fariżew talab hekk f’qalbu: “O Alla, niżżik ħajr li m’iniex bħall-bqija …”

Wieqaf quddiem
kollox jgħidlek li qed jitlob
minn barra kollox jidher sew … kif suppost.
 
Xħin nittawwal f’qalbi
insib li qed nhewden
nitkellem waħdi
nqabbel u nistmerr
ċirku vizzjuż
li jagħlaqni fil-biża li nfalli
fil-kesħa distanti min-nar t’Alla li jsaffi u jfejjaq
fil-gost mudlam bl-iżbalji tal-ġar.

Irrifletti

  • X’tinnota li  qed jiġri f’qalbek waqt it-talb?
pexels/lisa fotios: when you open up to relate


iii. Il-pubblikan beda jħabbat fuq sidru u jgħid: “O Alla, ħenn għalija …” – kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar

Wieqaf wara
iħabbat fuq sidru
jgħid “O Alla ħenn għalija għax jien midneb”
 
M’hemmx barra u ġewwa
m’hemmx falsità jew ħarba
hemm biss verità:
dak li jien
quddiem dak li Hu.
Meta niltaqa’ mal-ħniena
iċ-ċirku vizzjuż jitkisser
u nista’ ninżel d-dar, nimxi, iġġustifikat, fil-paċi, inkuraġġit, inħobb …
 

Irrifletti

  • Fejn doqt il-ħniena quddiem il-verità ta’ ħajtek?

Faith is to accept the fact that I am accepted in my total unacceptability”
Paul Tillich


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.