Hemm futur?

Hemm futur?

Niċċelebraw l-Evanġelju tad-29 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

L-għajnuna tiegħi mingħand il-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibża’ minn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”. Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibża’ minn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għall-inqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini”.


U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?”.

(Lq 18:1-8)

pexels/toth: prayer keeps the light going

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu.

Hu jaf li faċli ma nibqgħux nitolbu
għax naqtgħu qalbna
għax donnu għalxejn
għax donnu kollox kontra
 
jew anke għax sar kollox jgħaddi
għax ma hemm xejn li għadni nitħabat għalih
għax tlift ix-xewqa li l-affarijiet jitjiebu
li jkun hemm ġustizzja!
 
U Ġesu jagħti parabbola:
iġib quddiemna nies li jibqgħu jitħabtu, jinsistu, jemmnu!
 

Irrifletti

  • Ġib il-memorja ta’ persuna li tixbaħ lil din l-armla fl-insistenza għall-ġustizzja!
pexes/felipe cespedes: faithfulness is a constant in God


ii. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom?

Jikkonkludi l-parabbola b’żewġ mistoqsijiet!
Mhux risposti
imma dak li jserraħ fuqu waqt li qed fuq is-salib!
 
Aħna għandna bżonn il-mistoqsija,
għandna bżonn infittxu r-risposta,
waqt li nitqabdu mad-dubju
waqt li nġarrbu r-realtà tal-inġustizzja,
waqt li nkunu għejjejna nistennew.
 
Ġesù isaqsi
u hekk jgħin lilna nsaqsu u nisfidaw lid-dubju
li jipprova jherrina minn ġewwa.

Irrifletti

  • Xi tħalli fik il-mistoqsija ta’ Ġesù?
pexels/tatiana syrikova: Faith includes trust, looking ahead, commitment …


iii. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?

Aktar nagħtu piż il-konkret li hemm quddiemna,
milli lill-Ħallieq u s-Sid tal-istorja.
Aktar iferraħna s-suċċess tal-preżent,
milli l-kontribut li nagħtu għal futur aħjar.
 
Aktar faċli niskuraġġixxi ruħi b’dak li għaddej,
milli nagħmel kuraġġ jien u nikkollabora ftit ftit mal-Mulej li ġej
biex iwaqqaf għal dejjem is-Saltna t’Alla,
Saltna ta’ ġustizzja u paċi.
 
Għalhekk isaqsi:
biex jirxoxta l-fidi fil-qalba ta’ ħajti:
Meta jiġi … x’ser isib fija?
Isibni nemmen li ser jiġi? Li hemm Imħabba li tagħti futur?

Irrifletti

  • Xi tfisser għalik li Ġesù li għamel il-ġid-qatluh-irxoxta għandu jerġa jiġi


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.