Alla mhux imwaħħal

Alla mhux imwaħħal

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-34 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Sejrin ferħana f’dar il-Mulej


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, wara li sallbu lil Ġesù, il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!”. Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek”. Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid: “Dan huwa s-sultan tal-Lhud”.


Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna!”. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin”. Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”.

(Lq 23:35-43)

pexels/Noelle Otto: We can get stuck

Riflessjoni u talba:

i. il-poplu waqaf hemm iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù

Hemm min wieqaf, iħares.
Imwaħħal quddiem il-vjolenza?
Helpless f’sitwazzjoni kumplessa?
Kurjuż quddiem spettaklu ieħor?
 
Hemm min jiddieħak.
Tippruvax tibdel l-istatus quo!
Toqgħodx toħlom! F’idejna l-kontroll.
 
Hemm min jgħaddi biż-żmien.
Hemm min jgħajjar.
 
F’kollha issib ħajt bejn il-qalb u oħra.
 

Irrifletti

  • Liema realtà tkiddek l-aktar? X’reazzjoni għandek?
pexes/Евгения Прохорушкина: we can open up


ii. Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’

L-istorja tiċċaqlaq b’dik l-“imma”
ta’ xi ħadd li ma weħilx iħares,
jiddieħak, jgħaddi biż-żmien, jgħajjar
 
xi ħadd li żamm il-kuntatt mar-realtà
tad-dgħufija,
tar-responsabbiltà, tal-ħtija tiegħu,
 
xi ħadd li żamm kuntatt ma’ Alla …
Alla li kapaċi “jiftakar fija”
Alla li għandu Saltna li fiha hemm post għat-tama.

Irrifletti

  • Liema immaġni ta’ Alla jgħaddilek dan il-personaġġ?
pexels/Khoa Võ: With God a new dance is possible


iii. Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”

S’issa kien wieqaf – iħares u jgħożż
S’issa kienu qed jiddieħku bih – iżda ma kienx qed jitħassar lilu nnifsu
S’issa kienu qed jgħadduh biż-żmien – iżda hu ma kienx qed jaħli ż-żmien
S’issa kienu qed jgħajruh – iżda hu baqa’ mimli ħniena

Imma malli kien hemm ftuħ il-qalb ta’ persuna
beda jxerred barka fuq barka
possibilità wara l-oħra
“Illum tkun il-Ġenna miegħi”.

Hekk isaltan Alla. 

Irrifletti

  • X’inhi t-talba tiegħek illum?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.