L-eċċess ta’ Alla

L-eċċess ta’ Alla

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-1 Ħadd tal-Avvent – Sena A

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Immorru ferħana f’dar il-Mulej!


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Għax kif fiż-żmien ta’ qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu sa dakinhar li Noè daħal fl-arka, u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Imbagħad tnejn ikunu fl-għalqa: wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien: waħda tittieħed u l-oħra titħalla.
Ishru, mela, għax ma tafuhx il-jum li fih jiġi Sidkom. Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru. Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem”.

(Mt 24, 37-44)

pexels/george disipris: alienation leads to loss

Riflessjoni u talba:

i. Bħal fi żmien Noè, hekk tkun il-miġja ta’ Bin il-bniedem

Sekli wara sekli
l-memorja ta’ Noe baqgħet marka.
 
Kulħadd aljenat, għaddej,
u ħadd ma rrealizza li dak li l-aktar għażiż,
dak li dejjem isserraħ fuqu,
jista’ jinqered …
 
Ħlief Noè
li baqa’ attent u għamel l-essenzjal:
sema’ u bena dgħajsa
u magħha futur għalih, familtu, l-ħolqien …
 

Irrifletti

  • Fejn hemm sinjali li aljenat? Hemm xi ġrajja li qed iġġiegħlek issaqsi, tfittex iżjed?
pexes/antoni shkraba: we fear intrusion


ii. 
li kieku sid id-dar kellu jkun jaf f’liema sahra tal-lejl se jiġi l-ħalliel, kien jishar u ma jħallix min jinfidlu l-ħitan ta’ daru …”

Hemm dak li ngħożżu,
li hu prezzjuż,
li ninvestu b’mod attiv biex ma jitteħdilniex:
 
nieħdu miżuri biex ma jisirqulniex
il-ġid, l-art, id-dar.
Imma kultant ninsew li hemm xi ħaġa aktar prezzjuż
mill-ġid, mill-art, mid-dar
 
il-ħajja u l-fidi
ir-ruħ u l-futur
il-qalb u l-imħabba.

Irrifletti

  • X’jista’ jisraqlek l-essenzjal?
pexels/pixabay: waiting for God’s excess


iii.kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem

Xi ftit jew wisq aħna lesti, attenti għal min jista’ jisirqilna
il-ġid, l-art, id-dar;
hemmhekk mhux aljenat, imma pjuttost beżgħana.

Imma issa mistiedna biex inkunu lesti
mhux għal min ser jisraqna
iżda għal min ġej bħal għarus
biex jagħti eċċess ta’ ħajja, ruħ, qalb
fiduċja, tama, għożża

Stramba … rari inkunu lesti biex nilqgħu
lil dak li jistieden għal ferħ, għaż-żifna, għall-hena:
l-eċċess ta’ umanità li joffri Alla.

Irrifletti

  • X’imexxik? Il-biża’ li titlef li għandek jew il-ftuħ għal umanità aktar rikka li se jġib Bin il-Bniedem?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.