Nistgħu noħolmu
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-32 Ħadd ta’ Matul is-Sena Ċ
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Meta nqum, nithenna bid-dehra tiegħek.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, resqu fuqu xi wħud mis-Sadduċej, dawk li jiċħdu l-qawmien mill-imwiet, u staqsewh: “Mgħallem, Mosè ħallielna miktub: ‘Jekk wieħed imutlu ħuh miżżewweġ u dan ikun bla tfal, dak ikollu jiżżewweġ l-armla biex inissel ulied lil ħuh’. Issa jkun hemm sebat aħwa, u l-kbir iżżewweġ u miet bla tfal. It-tieni wieħed, u mbagħad it-tielet, f’kelma waħda, is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal. Fl-aħħar mietet il-mara wkoll. Issa din, fil-qawmien tal-imwiet, mart min minnhom tkun? Għax is-sebgħa jkunu żżewġuha”.
Weġibhom Ġesù: “Il-bnedmin f’din id-dinja jiżżewġu u jżewġu; imma dawk li jkun jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewġu u lanqas jiżżewġu. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet. U li l-mejtin iqumu, Mosè wkoll urieh, fir-rakkont tax-xitla tal-għollieq, għax lill-Mulej isejjaħlu Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, u Alla ta’ Ġakobb. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix”.
(Lq 20, 27-38)
Riflessjoni u talba:
i. Is-sebgħa li kienu, ħadu l-armla, u mietu bla ma ħallew tfal
Għas-Sadduċej kienet storja mżewqa
biex iġibu d-dinja fit-tarf
biex jgħidu li m’hemmx ħajja lil hinn mit-tarf
Għal Ġesù hija storja ta’ tbatija
ta’ Sara li mitilha kull wieħed mis-7 li żżewġet
li l-kliem iebes ta’ sħabha kien wassalha sat-tarf biex taqbeż
Imma fit-tarf baqgħet tħares lejn Alla
li offrielha imħabba
u xefaq lil hinn mit-tarf
Irrifletti
- Ma liema tarf tissielet?
ii. Għax anqas jistgħu jmutu iżjed, għaliex ikunu bħall-anġli, u huma wlied Alla ladarba qamu mill-imwiet
Għalina l-mewt darba
iddallam kollox
taħsad kull relazzjoni
ixxejjen kull tifsira
Għalih il-mewt darba
iżda l-imħabba tibqa’ tirxoxta l-ħajja dejjem
iddawwal kollox
tinseġ relazzjonijiet sbieħ
tagħti sens lill-bniedem fraġli:
Ulied Alla.
Irrifletti
- X’jortentak? Il-mewt /ħarba mill-mewt? Jew l-imħabba/il-ħajja?
iii. Issa hu mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin, għax għalih kulħadd jgħix
Jekk hu Alla tal-ħajjin
allura nistgħu noħolmu
nistgħu nibnu relazzjonijiet
nistgħu nieħdu inizjattivi
nistgħu inġorru t-tbatija li tiġi mill-imħabba
nistgħu nistennew b’sabar meta l-frott jieħu ż-żmien biex isir…
Irrifletti
- Oqgħod ftit ma’ Alla li huwa Alla tal-ħajjin!
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.