Nar
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tal-Avvent – Sena A
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Tħaddar f’jiemu l-ġustizzja.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dawk il-jiem deher Ġwanni l-Battista jippriedka fid-deżert tal-Lhudija u jgħid: “Indmu, għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” Għax għalih kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal,
‘Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert:
Ħejju t-triq tal-Mulej,
iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu.’
Dan Ġwanni kellu fuqu libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u l-ikel tiegħu kien ġradijiet u għasel selvaġġ. U kienet tmur għandu Ġerusalemm u l-Lhudija kollha u l-inħawi kollha ta’ madwar il-Ġordan, u kienu jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan huma u jistqarru dnubiethom.
Kif ra bosta mill-Fariżej u mis-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom: “Ja nisel il-lifgħat, min uriekom kif għandkom taħarbu mill-korla li ġejja? Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema. U taħsbux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, ‘Għandna b’missier lil Abraham,’ għax ngħidilkom li Alla, minn dan l-istess ġebel, jista’ jqajjem ulied lil Abraham. Il-mannara ġa tressqet ma’ għerq is-siġra; u għalhekk, kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar. Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. Il-midra qiegħda f’idu, biex iderri l-qiegħa tiegħu u jiġbor il-qamħ fil-maħżen, imma t-tiben jaħarqu b’nar li ma jintefiex.”
(Mt 3, 1-12)
Riflessjoni u talba:
i. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej
Ma jitkellimx minn pultruna komda,
quddiem il-fireplace,
jikkummenta fuq it-tbatija li wasslulu l-aħbarijiet,
bi grokk whiskey f’idejh!
Jidħol fis-sitwazzjonijiet diffiċli
fejn il-bniedem iħossu mitluf, bla direzzjoni,
fejn il-ħajja bla tifsira
u min-nofs dak id-deżert jitkellem fuq il-bżonn ta’ triq:
mhux triq oħra li tnaqqas iżjed raba’ u siġar (u żżid id-deżert)
iżda triq tal-Mulej li tibdel id-deżert fi ġnien imsoqqi tajjeb.
Irrifletti
- Fejn tesperjenza deżert? Għatx għal triq?
ii. Agħmlu mela frott xieraq tal-indiema …
L-ewwel kelma li jgħid: “indmu”!
Li għandu f’moħħu hu siġra bla frott
f’nofs deżert
fejn kulma baqa’ x’jiekol hu l-ġradijiet –
li għadhom kemm kielu l-ftit ħaxix li baqa’.
“Indmu”
Hemm bżonn ta’ persuni li ma jibqgħux passivi,
persuni li jieħdu deċiżjoni, jibdlu r-rotta, iħobbu;
li jsiru siġra li tagħti l-frott,
flok isiru ġradijiet li joħonqu t-tajjeb li qed jikber.
Irrifletti
- X’għażla hemm bżonn tagħmel biex tagħti l-frott?
iii. “kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tinxteħet fin-nar …”
Hemm direzzjoni gravi:
is-siġra li baqa’ fid-deżert tista’ tinħaraq fin-nar,
għax ma tagħmilx frott tajjeb.
U x’ser jibqa’ wara n-nar?
Hemm ukoll dak li ġej jiltaqa’ magħna,
dak li jgħammed bl-Ispirtu s-Santu u bin-nar,
li jlaqqamna fiH biex is-siġra tagħti l-frott fi żmienha.
U x’ser jiġri meta jiġi Hu?
Irrifletti
- Xi tfisser għalik tistenna lilU flok tirrassenja ruħek quddiem is-sitwazzjonijiet diffiċli?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.