Il-ħajja tibdlek

Il-ħajja tibdlek

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tar-Randan

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni, tellagħhom fuq muntanja għolja weħidhom, u tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl. U dehrulhom Mosè u Elija jitħaddtu miegħu. Qabeż Pietru u qal lil Ġesù: “Mulej, kemm hu sew li aħna hawn! Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom, u minn ġos-sħaba nstema’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, li fih sibt l-għaxqa tiegħi; isimgħu lilu”.
Id-dixxipli, kif semgħu dan, waqgħu wiċċhom fl-art, mimlijin biża’. Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”. Huma refgħu għajnejhom u ma raw lil ħadd ħlief lil Ġesù waħdu.
Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, Ġesù ordnalhom u qalilhom: “Tgħidu lil ħadd b’din id-dehra sa ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet”.

(Mt 17, 1-9)

pexels/mehmet turgut kirkgoz: the face of the self-giving shepherd shines

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil ħuh Ġwanni … tbiddel quddiemhom. Wiċċu sar jiddi bħax-xemx, u lbiesu sar abjad bħad-dawl.

Jaf li hemm ħafna reżistenzi
jaf li jekk jibqa’ sejjer hekk se jagħmlulu ħajtu diffiċli
probabbilment joqtluh.
Pietru għadu kif qallu: “tmurx ‘l hemm!”
 
U Ġesù, li kien għadu kif qal lil Pietru “Itlaq minn quddiemi ja xitan”,
issa jtellgħu miegħu
fil-post fejn jixtarr id-deċiżjoni tiegħu fid-dawl tal-Iskrittura,
fejn jagħraf mill-ġdid is-sens tal-vokazzjoni tiegħu.
Pietru jara wiċċ Ġesù jitbiddel, jiddi:
hekk min jieħu deċiżjonijet diffiċli fid-dawl tas-sejħa u l-missjoni ta’ ħajtu.

Irrifletti

  • Fejn rajt wiċċ jiddi għax, minkejja l-ostakli, jgħix il-vokazzjoni? Fejn rajt wiċċ jinbidel għall-agħar għax għażel li jservi l-ħażen?
pexels/tim mossholder: God is not static


ii. 
Jekk trid, intella’ hawn tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè u waħda għal Elija”. Kif kien għadu jitkellem, sħaba kollha dawl għattiethom

Jidher ġeneruż iżda ftit għadu fehem.
Ħaseb li jipproteġi d-dawl jekk iżommu magħluq f’tinda fuq muntanja;
forsi hekk jevita li jerġa jinżel fil-wied tad-dmugħ
jevita d-deċiżjonijiet diffiċli.
 
Imma jiġi sorpriż.
Flok tinda mwaħħla fuq muntanja
isib lilu nnifsu fis-sħaba tal-presenza t’Alla
fis-sħaba kollha dawl li tmexxihom u tibdilhom bla ma jafu kif,
magħhom fil-ġnien taż-Żebbuġ u l-għolja tal-Golgota
sħaba li fiha hemm post għat-trasfigurazzjoni tagħhom ukoll.

Irrifletti

  • Liema deċiżjonijiet qed issib diffiċli?
pexels/anna shvets: Do not be afraid. Rise up!


iii.
Ġesù resaq lejhom, messhom u qalilhom: “Qumu. La tibżgħux”

Il-ftit li ħaseb li kien fehem issa Pietru tilfu –
mal-art, imbeżża’,
quddiem il-misteru tal-ħażen, qtil, mewt;
quddiem il-misteru tal-ħajja, tal-futur, tad-deċiżjonijiet;
fil-misteru tas-sħaba kollha dawl –
issa m’hu qed jara xejn.
 
Imma issa jista’ jimxi, jinżel, jiddeċiedi
għax reġa’ messu dak li kien qanqal fih il-kuraġġ biex jagħmel passi kbar
meta qallu “Ejjew warajja u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”.
Reġa’ messu u qallu “Qum. La tibżax.”
Forsi ma fehemx imma jista’ jimxi
u, hu u miexi wara Ġesù biss,
wiċċu jibda jinbidel!

Irrifletti

  • Xi jfissru għalik il-kliem “Qumu. La tibżgħux” meta tismagħhom mingħand Ġesù?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.