Vjaġġ

Vjaġġ

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tar-Randan

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Illum, jekk tisimgħu leħen il-Mulej, la twebbsux qalbkom.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù ġie f’belt tas-Samarija, jisimha Sikar, qrib il-biċċa art li Ġakobb kien ta lil ibnu Ġużeppi, fejn kien hemm ukoll il-bir ta’ Ġakobb. Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir.

U ġiet mara mis-Samarija timla l-ilma. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”. Id-dixxipli tiegħu kienu marru l-belt jixtru x’jieklu. Il-mara mis-Samarija qaltlu: “Kif! Inti Lhudi u titlob lili, Samaritana, biex nagħtik tixrob?”. Qaltlu hekk għax il-Lhud ma jitħalltux mas-Samaritani. Ġesù weġibha: “Kieku kont taf id-don ta’ Alla u min hu dak li qiegħed jgħidlek: ‘Agħtini nixrob’, kieku int kont titolbu, u hu kien jagħtik ilma ħaj”. Qaltlu l-mara: “Sinjur, mnejn se ġġib l-ilma ħaj jekk anqas biex timla ma għandek u l-bir huwa fond? Jaqaw int aqwa minn missierna Ġakobb li tana dan il-bir, li minnu xorob hu u wliedu u l-imrieħel tiegħu?”. Weġibha Ġesù: “Kull min jixrob minn dan l-ilma jerġa’ jagħtih l-għatx; imma min jixrob mill-ilma li nagħtih jien qatt iżjed ma jkun bil-għatx. L-ilma li nagħtih jien isir fih għajn tal-ilma li jwassal sal-ħajja ta’ dejjem”. 

Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma. Int profeta, Sinjur, milli qiegħda nara. Missirijietna kienu jaduraw lil Alla fuq din il-muntanja; imma intom tgħidu li l-post fejn wieħed għandu jadura lil Alla jinsab f’Ġerusalemm”. Qalilha Ġesù: “Emminni, mara, jiġi żmien meta mhux fuq din il-muntanja taduraw lill-Missier, anqas f’Ġerusalemm. Intom taduraw lil dak li ma tafux; aħna naduraw lil dak li nafu, għax is-salvazzjoni ġejja mil-Lhud. Imma tiġi siegħa, anzi issa hi, meta dawk li tassew jaduraw jibdew jaduraw lill-Missier fl-ispirtu u fil-verità. Għax il-Missier ukoll, nies bħal dawn ifittex li jadurawh. Alla huwa spirtu, u dawk li jadurawh għandhom jadurawh fl-ispirtu u fil-verità”. Qaltlu l-mara: “Jiena naf li ġej il-Messija – dak li jgħidulu Kristu. Meta jiġi hu, kollox iħabbrilna”. Qalilha Ġesù: “Jiena hu, li qiegħed nitkellem miegħek”.

Kien hemm ħafna Samaritani minn dik il-belt li emmnu f’Ġesù fuq ix-xhieda li tathom dik il-mara tant, li meta ġew ħdejh, bdew jitolbuh biex jibqa’ magħhom, u hu qagħad hemm jumejn. Imbagħad ħafna oħrajn emmnu minħabba kliemu, u lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”.

(Ġw 4:5-15,19b-26,39a,40-42)

pexels/pixabay: we’re on holy ground

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù qalilha: “Agħtini nixrob”

Alla jersaq lejn is-Samaritana
bħala tallab, bil-għatx u bla mezzi biex itella’ l-ilma.
Minn hemm jibda jgħinna nwaqqgħu il-qoxra
li bnejna frott il-mistħija
u bil-paċenzja jistenna
sakemm għadna nissieltu biex nimpressjonaw
jistenna, anke meta l-qoxra tagħna ddum biex taqa’
u l-vjolenza taħkimna, u fuq salib jgħid “Għandi l-għatx”.
B’dan il-mod jersaq Alla:
b’mod ġentili imħabbtu tisfidani nwaqqa’ l-qoxra.

Irrifletti

  • Liema qoxra żżommok mistoħbi? Fejn qed jiltaqa’ miegħek Alla?
pexels/omer faruq khan: looking for deeper and clearer sources of life


ii. 
Qaltlu l-mara: “Agħtini dan l-ilma, Sinjur, biex ma jaqbadnix l-għatx, u anqas ma noqgħod ġejja u sejra hawn nimla l-ilma.

Bħall-mara nibda nilmaħ li hemm ilma aħjar
u bħalha nibqa’ nilgħab għax ċert li naf aħjar
… inċedi, nammetti, nintelaq?
Nitolbu l-ilma jew nwaqqa’ għaż-żufjett?
Stenna ftit! Il-punt l-ilma jew xi ħaġa oħra?
Jew ir-relazzjoni?
Tgħid nafdaH?
Mhux donnha qed tħeġġeġ qalbi?

Irrifletti

  • Xi skoprejt dan l-aħħar f’Ġesù?
pexels/mehmet turgut kirkgoz: you must be joking!


iii.
Lill-mara qalulha: “Issa mhux għax għedtilna int qegħdin nemmnu, imma għax aħna wkoll smajnieh, u sirna nafu li dan tassew hu s-salvatur tad-dinja”

Aħna wkoll skoprejna s-sbuħija tar-relazzjoni li ssalva:
fejn konna nfittxu li niddominaw, qed napprezzaw is-sabiħ tal-fiduċja;
fejn l-posizzjoni nużawha biex nieħdu vantaġġ, skoprejna s-sabiħ li tfittex il-ġid tal-ieħor;
fejn armejna dak li hu għażiż biex niżżewġu mal-poter, rajna l-qawwa tal-onestà u l-verità;
fejn ikkompromettejna l-prinċipji biex insiru popolari, rajna fik il-sbuħija tal-integrità.

Irrifletti

  • Liema konvinzjoni qed tikber fik?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.