X’differenza!
Niċċelebraw l-Evanġelju tar-4 Ħadd tal-Għid
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi: xejn ma jonqosna.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Tassew tassew ngħidilkom, min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u brigant. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Min ikun mal-bieb lilu jiftaħ, in-nagħaġ minn leħnu jisimgħu, u hu jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu. Imma wara wieħed barrani ma jimxux, anzi jaħarbu minnu, għax leħen barrani ma jafuhx”.
Din il-parabbola qalhielhom Ġesù, iżda huma ma fehmux x’ried jgħidilhom biha. Għalhekk Ġesù raġa’ qalilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li l-bieb tan-nagħaġ huwa jien. Dawk kollha li ġew sa issa qabli huma ħallelin u briganti. Iżda n-nagħaġ lilhom ma semgħuhomx. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”.
(Ġw 10, 1-10)
Riflessjoni u talba:
i. Min ma jidħolx fil-maqjel tan-nagħaġ mill-bieb imma jaqbeż ġewwa minn naħa oħra, dak hu ħalliel u briganti. Imma min jidħol mill-bieb hu r-ragħaj tan-nagħaġ.
Tagħmel id-differenza kollha:
bejn min jidħol mill-bieb
mill-post fejn ir-ragħajjimtedd bil-lejl biex jipproteġi n-nagħaġ
mill-post minn fejn joħroġhom biex isibu l-ħajja
u min jaqbeż minn naħa oħra,
biex jaħbi l-interessi makakki tiegħu
biex jieħu li jista’ minn fuq dak li jkun.
Irrifletti
- Din l-immaġni kif tgħinek tapprezza l-intenzjonijiet ta’ Alla?
ii. [Ir-ragħaj] jsejjaħ in-nagħaġ tiegħu waħda waħda b’isimhom u joħroġhom barra. U meta joħroġ in-nagħaġ tiegħu, huwa jmur quddiemhom u n-nagħaġ jimxu warajh, għax jisimgħu leħnu.
Hemm tip ta’ mħabba
li tħares lejk fil-fond
u timlik ħajja mill-profond ta’ dak li int:
l-Irxoxt isir presenza fik
qawwa, determinazzjoni u sens ta’ direzzjoni.
Irrifletti
- Kif tagħraf il-presenza ta’ Kristu Rxoxt f’ħajtek?
iii. Jiena hu l-bieb; jekk xi ħadd jidħol ġewwa permezz tiegħi jsalva, u jidħol u joħroġ u jsib fejn jirgħa. Il-ħalliel ma jidħolx jekk mhux biex jisraq u joqtol u jeqred. Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra”
Hemm kliem u azzjonijiet
li jisirqulna l-paċi tal-qalb
li joqtlu kull entużjażmu fina
li jeqirdu kull inizjattiva u kreattività.
Ġesù jiġi bħala bieb, passaġġ, triq
mod kif tħares, tiddeċiedi, taġixxi,
presenza li tkabbar il-libertà,
verità li tagħti l-ħajja.
Irrifletti
- Kif tiddistingwi bejn dak li jisirqek u dak li jagħtik ħajja?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.