Aktar milli tista’ tobsor!
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-Solennità tat-Trinità Qaddisa
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.
(Ġw 3, 16-18)
Riflessjoni u talba:
i. Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja …
Fid-dalma tal-lejl,
għax id-dawl tal-jum ma ħalliehx ifittex aktar fil-fond
Nikodemu jiltaqa’
fid-dalma tal-lejl
fis-silenzju ‘l fuq mill-baħħ u l-konfużjoni
ma’ Ġesù, il-Kelma tal-Missier
li jieħu inizjattiva, joħloq, iħobb lid-dinja.
Id-dlam tal-lejl jiddi, jeħles!
Irrifletti
Xi tfisser għalik l-inizjattiva t’Alla?
ii. “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem”
F’dinja fejn kulħadd alla għalih
u “alla tagħhom hu żaqqhom”
fejn wieħed jirkeb fuq l-ieħor
Alla ta lil Ibnu l-waħdieni
Jagħti lil Ibnu
U min jirċeviH, isib ukoll
libertà, direzzjoni (ma jintilifx)
ħajja u aktar ħajja
Għax il-misteru t’Alla mhux l-għeluq
Iżda l-ftuħ, l-għotja, li tirċievi, relazzjoni
Ġesù, Alla-bniedem-għall-oħrajn.
Irrifletti
Fejn kellek esperjenza sabiħa ta’ ħajja li ħierġa minn esperjenza ta’ ġenerożità.
iii. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.
L-imħabba ma tfittix li tirbaħ
Li tikkanċella lill-ieħor
Li tidher hi biss
Li tassorbi l-persuna l-oħra
Li ġġib dipendenza
L-imħabba tiġġenera relazzjoni mhux pika
Kuntatt mhux iżolament
Kumplimentarjetà mhux monotonija
Awtorità li terfa’ mhux dittatura li titfi
Spirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-ħajja
Irrifletti
- Ejja Spirtu s-Santu, int li ġej mill-Missier u mill-Iben!
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.