Għaqal

Għaqal

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-17-il-Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Kemm inħobbha l-liġi tiegħek, Mulej


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil wieħed neguzjant ifittex ġawhar fin; meta sab ġawhra tiswa ħafna, mar biegħ kull ma kellu u xtara lilha.
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin. Hekk jiġri fi tmiem id-dinja: l-anġli joħorġu jifirdu l-ħżiena mill-ġusti, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.
Kollu fhimtuh dan?” “Iva”, qalulu. U hu qalilhom: “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”.. (Mt 13, 24-30)

pexels/suzy hazelwood: don’t throw away the treasure

Riflessjoni u talba:

i. Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil teżor moħbi f’għalqa, li wieħed raġel isibu u jaħbih, u kollu ferħan imur ibigħ kull ma jkollu u jixtri dik l-għalqa.

Is-Saltna t’Alla –
il-post fejn l-istil ta’ Alla jinħass
fejn jidher li Hu li qed imexxi –
mhix bħal meta ssib bieb u tidħol f’dinja oħra
fejn kollox miexi sew,
dinja sabiħa, fantastika imma li tibqa’ fantasija u li taqtgħek mir-realtà;
 
iżda bħal meta wieħed jiftaħ tieqa u jara l-possibilitajiet ta’ Alla
u kollu ferħan jagħmel għażliet fid-dawl ta’ dak li ra:
inaddaf l-għamara, jagħmel post għall-pjanti, joħroġ għal passiġġata
jirbaħ il-ħażen, isostni dak li jġib ħajja, joħroġ mill-istatus quo biex jgħożż dak li jibqa’ għal dejjem.

Irrifletti

  • X’inhu t-teżor ta’ ħajtek? Kif jissarraf f’deċiżjonijiet?
pexels/mendoza: make space for the process


ii. 
Tixbah ukoll is-Saltna tas-Smewwiet lil xibka mitfugħa l-baħar li fiha jinġabar minn kollox. Meta timtela jtellgħuha x-xatt, u joqogħdu bilqiegħda, jiġbru fil-kannestri dak li jkun tajjeb u jarmu l-ħażin.

Is-Saltna t’Alla mhix bħal club:
min hu ġewwa u min hu barra
b’min jaħseb li hu ġewwa ikejjel (u jarmi) lil oħrajn;
imma post li jiġbor lil kulħadd
fejn min jitħabat biex jemmen jgħin lil min jħossu ċert wisq
fejn min jemmen jaqsam il-fiduċja ma’ min imħabbat bid-dubju;
fejn fl-aħħar tal-ġurnata kulħadd jieqaf ftit
u jgħarbel dak li tassew jiswa fil-ħajja minn dak li ma jiswiex.

Irrifletti

  • Fejn tagħti l-emfasi: il-ġudizzju fuq ħaddieħor jew li tapprezza t-tajjeb, hu fejn hu?
pexels/anthony: disciples of the Kingdom can neither be rigid nor aimless.


iii. “Għalhekk kull kittieb li jkun sar dixxiplu tas-Saltna tas-Smewwiet jixbah lil wieħed sid li, mill-ħażna tiegħu, joħroġ sew il-ġdid u sew il-qadim”

Min interessat bis-serjetà fl-għażliet li jagħmel Alla
la hu pupu programmat
u lanqas wieħed li jaqbeż fuq molla:
bla sens jew kriterju.
 
Hu “sid” mhux “pupazz”
kapaċi joħroġ il-ġdid,
ikun kreattiv
fiduċjuż li Alla kollox jaħdem għall-ġid ta’ dawk li jħobbuh;
kapaċi joħroġ il-qadim
dawk id-drawwiet u l-prattiċi li jġorru l-għerf tas-snin
u li qatra qatra jibnu s-sbuħija tas-Saltna.

Irrifletti

  • Liema drawwiet jgħinuk fl-għażla t’Alla? Fejn mistieden tkun kreattiv?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.