Nifs għar-ruħ
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-24 Ħadd
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ħanin u twajjeb il-Mulej
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: “Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih. Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.
(Mt 18, 21-35)
Riflessjoni u talba:
i. Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”.
Hemm azzjoni li nkunu ġarrabna
li toħloq oppressjonili tibqa’ titla
sena wara l-oħra Kull darba trid tieħu deċiżjoni
jew nerġa naħfer
jew nibqa’ oppress.
Irrifletti
- Liema ġerħa donna ma tagħlaq qatt? Fejn issib xi tip ta’ duwa?
ii. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”.
Minn fejn irodd ma kellux!
Iżda baqa’ jimmaġina li jista’ jasal
bis-saħħa tiegħu biss.
Anke x’ħin is-sid ħafirlu kollox
baqa’ ma jistax jaċċetta
li rċieva ħafna
li inħafirlu ħafna
li allura jista’ jħobb ukoll.
U għax baqa’ jimmaġina li bis-saħħa tiegħu biss jasal,
baqa’ iebes u aħrax ma’ sieħbu.
Irrifletti
- Xi tfisser għalik li tagħraf x’ingħatalek, x’inħafirlek? Fejn mistednin nirbħu l-kultura ta’ entitlement?
iii. Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna
Sħabu l-qaddejja kienu ħadu r-ruħ
xħin raw lil Sidhom jaħfer
li seħibhom jista’ jgħix
u l-familja tiegħu jiffrankaw il-ħabs.
Imma issa reġgħet niżlet sħaba sewda:
jekk ma tinbeniex kultura ta’ maħfra
se nkissru lil xulxin!
Il-maħfra rigal li jiftaħ futur mhux kmand biex jgħakkes!
Irrifletti
- Fejn doqt ferħ marbut ma’ esperjenza ta’ maħfra?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.