Stil

Stil

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-22 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Għalik imxennaq jiena, Mulej, Alla tiegħi


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum.

Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha. Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien ma’ l-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skond ma wieħed ikun għamel”.

(Mt 16, 21-27)

pexels/darren tiumalu: determination

Riflessjoni u talba:

i. Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum

Dik li “jsofri”
dik il-kelma “ħafna”
u l-kelma “meħtieġ”

Niżbilanċja ruħi
u nkun ser naqta’ nifsi
xħin naħseb fuq l-ewwel tnejn

Nibda nistagħġeb
u nikseb lura l-fiduċja
xħin nara ċ-ċarezza, l-kuraġġ u d-determinazzjoni
meta juża l-kelma “meħtieġ”.

Irrifletti

  • X’tinnota fil-persuna ta’ Ġesù?
X’tinnota fil-persuna ta’ Ġesù?


ii. 
Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt …

Pietru jesprimi b’mod ċar
prinċipju li jmexxi b’mod sottili
l-istil u l-għażliet tal-ħajja tagħna
 
biex nevitaw t-tbatija akkost ta’ kollox
biex nirtiraw mill-imħabba
meta ssir impenjattiva
biex nitfu l-passjoni għas-sewwa u l-ġustizzja
meta nissograw nitilfu l-appoġġ tal-poter
 
Sa nagħażlu li mmutu qabel immutu
għax nagħżlu li ma ngħixux.

Irrifletti

  • Fejn issibek tirtira mill-impenn minħabba l-biża’ mit-tbatija?

pexels/oleksandr: there’s more life when it’s given


iii. Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

Ġesù jesprimi b’mod ċar
l-istil u l-għażlietli jumanizzawna
 
meta tiskot biex ħaddieħor ikollu vuċi
meta titlef il-perks tal-qawwija għax tagħżel il-ġustizzja
meta tnaqqas il-possibilitajiet tiegħek biex tagħti l-ħajja lil ħaddieħor
meta tagħżel mhux li tagħmel xi azzjoni tajba kultant
iżda li ħajtek kollha tkun mibnija fuq it-tajjeb.

Irrifletti

  • Fejn doqt is-sabiħ li tagħti ħajtek?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.