Mhux sew!

Mhux sew!

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-27 Ħadd

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-għalqa tal-Mulej hija d-dar ta’ Iżrael.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien Ġesù qal lill-qassisin il-kbar u lix-xjuħ tal-poplu: “Isimgħu parabbola oħra: Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.


Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh. Reġa’ bagħtilhom qaddejja oħra, aktar minn qabel, u għamlulhom l-istess.


Fl-aħħar bagħtilhom lil ibnu. “Minn ibni jistħu”, qal. Iżda kif raw lil ibnu l-bdiewa bdew jgħidu bejniethom: “Ara l-werriet! Ejjew noqtluh, biex il-wirt tiegħu niħduh aħna”. Qabduh, xeħtuh ’il barra mill-għalqa u qatluh. Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-bdiewa meta jiġi?”. Qalulu: “Jeqridhom bla ħniena, ta’ ħżiena li huma, u l-għalqa jqabbilha lil bdiewa oħra li jroddulu l-frott fi żmienu”.
Qalilhom Ġesù: “Qatt ma qrajtu fl-Iskrittura li:
‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;
bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?
Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna ta’ Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha”.

(Mt 21, 33-43)

pexels/gustavo fring: it’s about caring

Riflessjoni u talba:

i. Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa.

Jimpurtah mill-għalqa,
jinteressa ruħu, joħloq, jafda.
 
Mhux ta’ b’xejn jinkedd
meta jara l-ġid jinħela,
id-dinja tiġi meqruda
id-dgħajfa jiġu sfruttati u mżebilħa.

Irrifletti

  • Tirrabja għall-ħażen li għaddej jew indifferenti?
Tirrabja għall-ħażen li għaddej jew indifferenti?


ii. 
Meta wasal żmien il-frott, bagħat il-qaddejja tiegħu għand dawk il-bdiewa biex jiġbrulu l-frott li kien imissu. Iżda l-bdiewa qabdu lill-qaddejja, u lil wieħed sawtuh, lil ieħor qatluh, u lil ieħor ħaġġruh.

Afdat biex naħdem l-għalqa, u nagħmilha tiegħi!
Ingħatajt posizzjoni ta’ awtorità u nużaha biex inħaxxen buti.
Irċevejt persuni f’ħajti (bħala ġenitur, edukatur, kappillan …)
u nieħu pussess fuqhom, nisraqilhom il-libertà, ma ngħinhomx ikunu huma.

Irrifletti

  • Kif ngħix ir-responsabbiltà li ingħatatli?

pexels/nati: grace


iii. ‘Il-ġebla li warrbu l-bennejja saret il-ġebla tax-xewka;

bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna’?

L-Iben ta’ sid il-għalqa,
ġie bħala tallab
ħa jfakkar lil kull bniedem li xejn m’hu tagħna! Kollox misluf.
 
Għalkemm irmewh u qatluh
fiH mhemmx lok għal disperazzjoni.
Min jimxi warajH
min jieħu ħsieb l-għalqa mhux bi prepotenza iżda bħala tallab hu wkoll,
imbagħad jagħti frott
għax lit-tfal ma jieħux pussess fuqhom
għax juri kif l-awtorità kapaċi terfa’ ‘l fuq mhux tgħaffeġ lil ta’ taħt
għax il-ħolqien japprezzah u jmexxih ‘l quddiem mhux jisfruttah u jeqirdu.
 
Ħaġa tal-għaġeb f’għajnejna … meta tiltaqa’ ma’ nies hekk!

Irrifletti

  • Ftakar f’xi persuni li jispirawk bil-mod kif jgħixu.


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.