Bidu ġdid
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-1 Ħadd tal-Avvent
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosna
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għall-għarrieda u jsibkom reqdin.
U dak li qiegħed ngħid lilkom, qiegħed ngħidu għal kulħadd: ishru!”.
(Mk 13, 33-37)
Riflessjoni u talba:
i. Kunu għajnejkom miftuħa, ishru, għax ma tafux meta se jasal il-waqt.
Liema waqt?
Liema mument?
Liema opportunità?
Il-mument xħin jiġi
Dak li se jġedded kollox!
Irrifletti
- Xi jfisser għalik li tapprezza kull mument?
ii. Jiġri bħal meta bniedem ikun siefer u telaq mid-dar, iħalli kollox f’idejn il-qaddejja tiegħu, kull wieħed fuq xogħlu, u lil tal-bieb jordnalu biex jibqa’ jishar.
Qed ngħix f’dar:
milqugħ
afdat
maħbub!
Hemm spazju għall-kompetenza tiegħi u ta’ ħaddieħor
lok għall-kreattività
imma wkoll b’xi ħadd kompetenti mal-bieb
li jfakkarni li hemm xi ħaġa lil hinn
minn dak li ħlomt jien bil-ħajja
minn dak li fassalt jien fir-relazzjonijiet
mix-xefaq dejjaq tiegħi.
Irrifletti
- X’tapprezza f’dak li ġejt afdat bih? Liema bieb tbexxaq li għenek tapprezza xi ħaġa ġdida?
iii. Mela ishru, għax ma tafux meta jiġi Sid id-dar, jekk hux filgħaxija, jew f’nofsillejl, jew xħin jidden is-serduk, jew inkella mas-sebħ, li ma jmurx jiġi għall-għarrieda u jsibkom reqdin.
Kien filgħaxija xħin il-belt ħarġet bi ħġarha
u skopriet il-qawwa tal-fejqan tiegħU (Mk 1, 32-33);
kien matul is-sahra tal-lejl li d-dixxipli rawh miexi fuq il-baħar imqalleb
u semgħu il-kliem “Agħmlu l-qalb, jiena Hu, tibżgħu xejn!” (Mk 6, 45-52);
kien xħin idden is-serduk
li Pietru ftakar fil-kelma li kien qallu Ġesù (Mark 14,72).
Kull mument jista’ jiġi
biex ifejjaq, iqawwi l-qalb, inissel rikonċiljazzjoni
u joffri bidu ġdid!
Irrifletti
- Xi jfisser għalik tistenna lil Ġesù bħala Sid id-dar?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.