Kuntrasti

Kuntrasti

Niċċelebraw l-Evanġelju tat-2 Ħadd tal-Avvent

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

 Uri lilna, Mulej, it-tjieba tiegħek, u s-salvazzjoni tiegħek agħtina.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla. Bħalma hu miktub fil-ktieb ta’ Iżaija l-profeta: “Ara, jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.
Hekk Ġwanni deher jgħammed fid-deżert u jxandar magħmudija ta’ ndiema għall-maħfra tad-dnubiet. U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom.
Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel, bi ħżiem tal-ġild madwar qaddu, u kien jiekol ġradijiet u għasel selvaġġ. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, iżda huwa jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu”.

(Mk 1, 1-8)

pexels/the lazy artist gallery: a way forward is possible

Riflessjoni u talba:

i. Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”.

Liema waqt?
Liema mument?
Liema opportunità?
 
Il-mument xħin jiġi
Dak li se jġedded kollox!

Irrifletti

  • Liema deżert qed tesperjenza? Liema leħen ħassejtu balzmu?
pexels/etkin celep: life is more than what I thought


ii. 
U kienet tmur għandu l-Lhudija kollha u n-nies kollha ta’ Ġerusalemm, jitgħammdu minnu fix-xmara Ġordan waqt li jistqarru dnubiethom. Ġwanni kien jilbes libsa tax-xagħar tal-ġemel 

Ġew ħafna nies, uħud mill-postijiet ta’ poter, ta’ fejn hemm il-ġid,
jersqu lejn persuna li tħaddan stil sempliċi, bla pretensjonijiet
għajr il-messaġġ li trid ixxandar.

Kultant nimxu bil-kontra:
nippruvaw nużaw il-qawwa tal-flus u tal-forza.

Kultant nixtiequ li l-messaġġ jasal
imma mingħajr ma jilħaq lilna, mingħajr ma nieħdu l-impenn li ngħixu l-messaġġ!

Irrifletti

  • Meta ltqajt ma’ persuna li tgħix il-prinċipji li tħaddan? X’qanqlet fik?

pexels/thirdman: there’s a beyond …


iii. U kien ixandar u jgħid: “Ġej warajja min hu aqwa minni, li jien ma jistħoqqlix nitbaxxa quddiemu u nħoll il-qfieli tal-qorq tiegħu.

Il-bniedem umli ma jiżbilanċjax ruħu!
 
Fil-qalba tas-suċċess, jagħraf li hu mhux Alla:
ma jippruvax jeħodlu postu
ma jieħux pussess mill-persuni li jafdaw ħajjithom f’idejh
ma jieqafx ifittex dak li hu aħjar, isbaħ, aktar veru minn dak li skopra s’issa.
 
F’nofs il-falliment,
ma jimteliex bil-qrusa
ma jsirx vjolenti
ma jieqafx jgħarrex biex jilmaħ f’kull min iwettaq il-ġid lil Dak li ġej żgur:
“Inti dak li għandu jiġi jew nistennew ieħor?”

Irrifletti

  • It-tama kif tgħinek fil-ħajja?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.