Fid-deżert biex terġa tibda toħlom!

Fid-deżert biex terġa tibda toħlom!

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-1 Ħadd tar-Randan – B

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli. Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

(Mk 1, 12-15)

pexels/oleksandr: to dream again, to walk again …

Riflessjoni u talba:

i. L-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert.

Alla jibqa’ jieħu l-inizjattiva!
 
Kien Hu li bagħat lil Mosè
biex joħroġ il-poplu mill-jasar
ħa jgħaddih għal-libertà.
 
Issa l-Ispirtu joħroġ lil Ġesù fid-deżert
biex jiltaqa’ magħna hemm
il-post fejn aħna weħilna.
 
“Dak li għandna nikkundannaw hu n-nuqqas ta’ tama.
Hu l-impediment li noħolmu …
n-nostalġija tal-jasar li tipparalizza lil Iżrael fid-deżert
u ma tħallihx jibqa’ miexi”. (Papa Franġisku)

Irrifletti

  • Nixtieq dinja ġdida? Lest li ninqala’ mill-kompromessi tiegħi tal-antik?
pexels/darya sannikova: He comes to us there where we feel paralyzed.


ii. 
U baqa’ fid-deżert erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan.

Hu jibqa’ magħna hemm,
fid-deżert, fit-taqbida:
nibqgħu ilsiera jew nkunu ħielsa?
 
“”B’differenza mill-Fargħun,
Alla ma jridx sudditi, imma wlied…
Kontra l-leħen ta’ Alla, li jgħid:
“Inti Ibni, l-maħbub” (Mk 1,11) …
insibu fil-fatt il-gideb tal-għadu …
li nistgħu kollox,
li nkunu rikonoxxuti minn kulħadd,
li nirfsu fuq kulħadd…
Nisgħu niggranfaw mal-flus,
ma’ ċertu proġetti, ideat, għanijiet,
mal-pożizzjoni tagħna, ma’ tradizzjoni,
saħansitra ma’ xi persuni.
 
Flok niċċaqilqu, nipparalizzaw ruħna.
Flok niltaqgħu ma’ xulxin, neħduha kontra xulxin”. (Papa Franġisku)

Irrifletti

  • Fejn mistieden tiċċaqlaq, tieħu deċiżjoni, tuża’ kriterji ġodda ta’ ġudizzju?

pexels/fredrick eankels: between letting go and letting God.


iii. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u kienu jaqduh l-anġli.

Meta nieqfu ma’ Ġesu fit-talb
meta nieqfu miegħu ma’ min hu midrub
meta nitbattlu mill-idoli li jtaqqluna
permezz tat-talb, il-karità u s-sawm …
 
“il-qalb ipparalizzata u iżolata terġa’ tqum.
Jiġifieri innaqqsu mill-għaġġla u nieħdu nifs.
Id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja …
tqanqal enerġiji ġodda.
Fil-presenza ta’ Alla nsiru aħwa,
inħossu lill-oħrajn b’intensità ġdida:
flok theddid u għedewwa nsibu sħab fil-vjaġġ tagħna.” (Papa Franġisku)

Irrifletti

  • Kif taraha din il-ħolma ta’ Alla?

(Testi mill-messaġġ ta’ Papa Franġisku għar-Randan 2024)


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.