Għalhekk ħriġt.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-5 Ħadd matul is-Sena B
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Faħħru l-Mulej, li jfejjaq il-qlub maqsuma.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni, u malajr qalulu biha. Resaq lejha, qabadha minn idha u qajjimha. U d-deni ħallieha, u bdiet isservihom.
Filgħaxija, imbagħad, fi nżul ix-xemx, ħadulu quddiemu lil dawk kollha li kienu morda jew li kienu maħkuma mix-xitan. U quddiem il-bieb inġabret il-belt bi ħġarha. U fejjaq ħafna morda minn kull xorta ta’ mard, u ħareġ għadd kbir ta’ xjaten li hu ma kienx iħallihom jitkellmu, għax huma kienu jafu min kien.
L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.
U dar il-Galilija kollha, jippriedka fis-sinagogi tagħhom u joħroġ ix-xjaten.
(Mk 1, 29-39)
Riflessjoni u talba:
i. F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli ħarġu mis-sinagoga u baqgħu sejrin ma’ Ġakbu u Ġwanni għand Xmun u Indrì. Issa omm il-mara ta’ Xmun kienet fis-sodda bid-deni …
Ġesù joħroġ mis-sinagoga
u jibqa’ sejjer
f’dar biex ifejjaq
u l-persuna tista’ tuża’ l-potenzjal tagħha għall-ġid
fil-bieb sabiex il-belt tinħeles mill-mard u l-ispirti ħżiena
u n-nies jistgħu jibnu sens ta’ komunità u jgħixu ta’ nies,
Ġesù joħroġ …
u jibqa’ sejjer
ifejjaq u jeħles.
Irrifletti
- Fejn tara sinjali ta’ Ġesù li jibqa’ joħroġ biex jeħles illum?
ii. L-għada filgħodu kmieni, qabel ma żernaq, qam, ħareġ u mar f’post imwarrab u qagħad hemm jitlob.
Fid-dlam tal-lejl
Ġesù jibqa’ joħroġ lejn l-għajn tad-dawl
‘l bogħod mill-kjass sabiex jisma’ il-kelma li tilma fis-silenzju
iġorr fuqu t-tbatija tan-nies li fejjaq u ħeles sabiex jirċievi l-qawwa li tfejjaq
jieħu distanza mis-suċċess sabiex jaġixxi mil-libertà ġewwinija
Ġesu jibqa’ joħroġ biex jitlob
biex jgħix mir-rieda u l-imħabba tal-Missier.
Irrifletti
- Fejn mistieden toħroġ f’post imwarrab biex titlob?
iii. Xmun u sħabu l-oħrajn marru jfittxuh. Kif sabuh, qalulu: “Kulħadd jistaqsi għalik”. U qalilhom: “Ejjew immorru band’oħra, fl-irħula tal-qrib, ħalli nippriedka hemmhekk ukoll, għax għalhekk ħriġt”.
“Għalhekk ħriġt.”
Ma ħriġtx biex nieqaf fis-sinagoga
u ninsa lil min marid id-dar
u ma nieħux ħsieb il-ġid komuni tal-belt
u ninjora lil dawk li spiċċaw barra mill-belt u ħadd ma jagħti każhom.
“Għalhekk ħriġt”:
biex lil dawk li fejjaqt ma nagħmilhomx dipendenti fuqi
lil dawk li ħlist ma nagħmilhomx skjavi tiegħi
biex jien stess ma nsirx skjav tal-kumdità u s-suċċess.
Għalhekk ħriġt
biex inkun qrib tal-imwarrab
biex nerfa’ lil min tilef il-moral
biex ngħin lid-dixxipli iwessgħu il-ħarsa tagħhom
u jifhmu għal x’hiex mibgħuta
għal x’hiex għandhom joħorġu.
Irrifletti
- B’liema mod mistieden toħroġ mill-kumdità? Biex toffri x’hiex?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.