Fit-tempju biex inaddaf!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-3 Ħadd tar-Randan – B
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Mulej, int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kien jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed. U lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!”. Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?”. Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?”.
Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dak li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel. Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem.
(Ġw 2:13-25)
Riflessjoni u talba:
i. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus.
Meta anke it-tempju jissarraf fi flus
imbagħad anke il-fjura titlef il-fwieħa
il-ġisem jiġi użat
il-ħbieb isiru skaluna
l-art tispiċċa sfruttata
il-komunità issir post biex niddandan
il-posizzjoni issir poter
u l-bini jaqa’ u joqtol żagħżugħ.
Irrifletti
- Liema tempji qed tarahom jitmermru?
ii. Lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: “Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura: “Il-ħeġġa għal darek fnietni”.
Aħna issa hekk drajna:
tixtri u tbiegħ
tqarraq jew iqarrqu bik
tinnegozja anke m’Alla!
Imma Ġesù le:
l-imħabba ma tilgħabx bl-emozzjonijiet
ma tħarisx lejn l-uċuħ … u lanqas lejn il-bwiet
u lil Alla ma tixtrihx!
Irrifletti
- Drajt kollox? Fejn qed tqum ħeġġa ġdida fik?
iii. Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?”. Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ntellgħu”.
Hemm dak li ilu snin jinbena
xempju ta’ kobor u kburija
faċċati sbieħ u vojt dagħbien
u hemm dak li jiġbor l-essenzjal
ġest ta’ mħabba
ġest umli, fraġli, ċkejken
iżda konkret, kuraġġuż, jagħti l-ħajja
il-mewt u l-qawmien
il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni
is-sabar u d-determinazzjoni
il-komprensjoni u l-ġentilezza.
Irrifletti
- Fejn tara d-dinamika qawwija tal-mewt u l-qawmien fil-ħajja ta’ kuljum?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.