Qabar vojt.
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-Għid il-Kbir
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;
ħa nifirħu u nithennew fih. Hallelujah.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, m’huwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh. Imma morru għidu lid-dixxipli tiegħu, u lil Pietru, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom.” (Mk 16:1-7)
Riflessjoni u talba:
i. Meta għadda s-Sibt, Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom. U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar.
Jagħmlu dak li jitlob ir-rispett.
Dak li ma setgħux jagħmlu l-Ġimgħa li għaddiet, qabel id-difna,
ifittxu li jlestuh issa:
jidilkuh bil-fwejjaħ
qabel jibda jinten.
Imma waqt li mexjin lura lejn il-qabar
hemm sinjali ta’ mixja lil hinn mill-Ġimgħa,
lil hinn mill-qabar:
għadda s-Sibt –
jum il-mistrieħ ta’ Alla li jaħlaq u jġedded kollox –
u telgħet ix-xemx ta’ jum ġdid
li bħalu ma kienx hemm.
Irrifletti
- Liema sinjali jispikkaw għalik? Il-qabar jew ix-xemx tielgħa?
ii. U bdew jgħidu lil xulxin: “Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?” Iżda meta ħarsu, raw li l-ġebla kienet imressqa fil-ġenb; kienet ġebla kbira ħafna.
Isaqsu fuq min ser ineħħi l-ostaklu
li jżommhom milli jagħmlu dak li suppost għamlu
il-Ġimgħa li għaddiet:
Min se jgerbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?
Iżda jsibu li l-ostaklu imressaq fil-ġemb
biex jistgħu jagħmlu dak għandhom jagħmlu
fil-bqija ta’ ħajjithom:
Min ser jurina t-triq lil hinn mill-qabar?
Irrifletti
- Lil fejn tħares? Lura fil-qabar jew lil hinn mill-qabar?
iii. Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ bilqiegħda n-naħa tal-lemin, liebes libsa bajda; u nħasdu. Imma hu qalilhom: “Xejn la tinħasdu…
Tinħasadx li l-qabar vojt!
Tinħasadx li sibt sinjali ta’ ħajja
fejn qabel ħallejt il-mewt, id-diżappunt u l-falliment
fejn qabel dfint ħolma oħra u parti minnek magħha!
Tinħasadx li l-qabar vojt!
Ħalli xewqa ġdida tirxoxta fik
Ħalli spazju biex il-ħajja tissorprendik
Imxi lil hinn minn fejn il-ħajja tiegħek weħlet!
Qed tfittex lil Ġesù ta’ Nazareth li kien imsallab?
Qam mill-mewt. M’huwiex hawn.
Imxi lejn il-ħajja!
Tinħasadx imma ħalli l-qawmien jissorprendik!
Irrifletti
- Fejn weħlet ħajti? Lejn x’hiex tista’ terġa’ tibda miexja?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.