Qiegħed ngħidlek, Qum!
Niċċelebraw l-Evanġelju tat-13-il Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Ngħollik, Mulej, għax erfajtni.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f’riġlejh, u talbu ħafna u qallu: “Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix”. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
U waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: “Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?”. Iżda Ġesù sama’ x’kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: “Tibżax, biss inti emmen”. U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu.
Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: “Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda”. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”. Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.
(Mk 5:21-24,35b-43)
Riflessjoni u talba:
i. Wara li Ġesù raġa’ qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta’ nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru.
Jerġa jaqsam għax-xatt l-ieħor
mhux biex jaħrab
mhux għax m’għandux kwiet f’ġismu
mhux biex isir popolari
iżda biex jersaq lejn min qed ifittex
lejn min iċċaqlaq minn postu għax qalbu muġugħa
lejn missier li għandu isem – Ġajru
… f’kelma waħda, għax jimpurtah.
Irrifletti
- X’tgħidlek l-azzjoni ta’ Ġesù fuq min hu Alla?
ii. U Ġesù telaq miegħu, b’kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.
Reġa’ telaq!
Kulħadd iross fuqu:
kieku jien floku inkun ittentant li nsir guru
li nħossni importanti u nimtela biha nnifsi
li nitla’ distanti fuq pedestall
li nuża l-istess nies biex ninqata’ aktar.
Ġesù mhux hekk:
“telaq miegħu”!
Dik l-identità tiegħu –
li jimxi ma’
li jġorr it-tbatija ma’
li jisma’ l-istorja tal-missier waqt li mixjin!
It-tentazzjoni ma tegħelbux.
Irrifletti
- F’liema okkażjoni ġejt mistieden timxi ma’ ħaddieħor?
iii. U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll ’il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: “Talitha, qum!” – jiġifieri: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!”.
Mill-ġdid iċċaqlaq:
waqqaf l-istorbju u reġġa’ l-ġabra
daħal u qabad id it-tifla
u kellem lilha personalment.
Ġesti u kliem li bihom
ma tibqax tifla ċkejkna bla valur
iżda tirċievi identità, ħajja: għandha x’toffri.
“Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum”
tħallix il-biża’ jmewtek
qum, għandek x’toffri.
Irrifletti
- Isma’ l-kliem indirizzat lejk minn Alla: “Qum”. Xi tfisser għalik?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.