Stejjer ġodda

Stejjer ġodda

Niċċelebraw l-Evanġelju tal-10 Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-kotra tan-nies: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.

U qal: “Ma’ xiex sejrin inqabbluha s-Saltna ta’ Alla, jew b’liema parabbola nfissruha? Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.

B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma, u mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom; imma lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

(Mk 4, 26-34)

pexels/beytlik: sow – be amazed – receive

Riflessjoni u talba:

i.  Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif.

Hemm qawwa fiż-żerriegħa
li ma tiddependi mill-bidwi
lanqas ma hi fil-kontroll tiegħu!
 
Filwaqt li nagħmel il-parti tiegħi li niżra, mistieden
nintelaq b’fiduċja fil-qawwa ta’ dak li hu tajjeb u veru
ninnota, niġbor, niċċelebra l-frott li ħareġ u ssorprendieni.

Irrifletti

  • Kif tgħix ir-responsabbiltajiet tiegħek? Ma’ min tgħixhom?
pexels/kiekie kie: humility as best place of welcome


ii. 
Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art;

Għaliex minn daqstant possibilitajiet
Ġesù jagħmel għażla bħal din:
oġġett li jiddistingwi ruħu miċ-ċokon tiegħu
imma li jsir kenn għal ħafna?
 
Nieqaf ftit fuq dak li fil-bidu kien ispirani
dak li qajjem dinamika fija
dak li wassalni biex inwettaq il-ġid li qed nagħmel illum.
 
Nosserva jien ukoll il-paradoss:
hemm azzjonijiet dehru b’saħħithom imma li ħallew ħerba
hemm azzjonijiet umli li ġġeneraw ħajja li għadha għaddejja.

Irrifletti

  • X’perspettiva tagħtini fuq l-azzjonijiet żgħar imma tajba u ġusti li nista’ nagħmel?

pexels/rahel r: new seeds of yesterday’s stories


iii. B’ħafna parabboli bħal dawn kien ixandrilhom il-kelma, kif kienu jistgħu jifhmuha huma.

Il-parabboli li joffri Ġesù
huma bħaż-żerriegħa:
 
jieħdu minn dak li hemm madwarhom
u joffru frott ġdid
perspettivi ġodda fuq il-ħajja
trasformazzjoni ta’ dak li normalment narmuh jew ma nagħtux kasu
f’dak li jġib tama ġdida;
 
żerriegħa ġdida li tinżera mill-ġdid kull sena
kull fejn dik il-parabbola tixxandar u tintlaqa’:
elfejn sena wara, il-parabboli għadhom jiġġeneraw stejjer ġodda.

Irrifletti

  • X’jispirak minn kif kien juża’ l-parabboli Ġesù?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.