Ftuħ!
Niċċelebraw l-Evanġelju tal-14-il Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?”. U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom. U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem.
(Mk 6, 1-6)
Riflessjoni u talba:
i. Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: “Mnejn kisbu dan kollu?
Il-fidi tirbaħ fuq il-biża’ f’nofs it-tempesta
tagħti l-ħajja lil min iħalli lil Alla jmissu (tifla ta’ Ġajru)
tiftaħ ukoll għall-istagħġib lin-normalità tar-raħal
fir-rutina tas-Sibt
ġewwa Nażaret.
Imma l-istagħġib,
il-ftuħ għal xi ħaġa aktar,
jista’ jsib min jagħlaqlu t-twieqi:
mnejn kisbu dan kollu?
U ħallina!!!
Irrifletti
- Fejn kellek stedina għal stagħġib? X’mistieden tiskopri aktar? Fejn?
ii. Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija … U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.
Alla jagħżel li jidher f’Nażareth
fis-sempliċità tal-ħajja tar-raħal
fil-post ‘l bogħod mix-xinxilli tal-poter
fejn m’hemm xejn ta’ barra minn hawn
għajr l-intrigu tas-snajja’
in-nisġa ta’ relazzjonijiet
li tkun iben, li tkun ħu, li tkun oħt.
Imma kultant inżomm it-tieqa magħluqa:
x’jista’ joħroġ tajjeb min-Nażareth?
m’hemm xejn x’tiskopri aktar fir-rutina tax-xogħol
m’hemmx possibilitajiet oħra f’dik il-persuna,
f’dawk ir-relazzjonijiet konkreti, kumplessi, normali?
Il-preġudizzju jinbarra t-tieqa
u d-dawl ma nagħtihx ċans joħroġ is-sabiħ
moħbi f’persuna, f’sengħa, f’relazzjoni.
Irrifletti
- Fejn titħabat man-nuqqas ta’ fiduċja f’xi ħadd, fil-ħidma tiegħek, f’Alla?
iii. Qalilhom Ġesù: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.
Imma f’nofs il-kmamar u s-sinagogi imbarrati
bin-nuqqas ta’ fidi
u bil-preġudizzju
li jippruvaw jitfu l-istagħġib
li jista’ jiftaħ il-qalb tal-bniedem biex tieħu n-nifs
jibqa’ jidħol raġġ ta’ dawl
f’ġesti żgħar, konkreti, ta’ kompassjoni
idejn imqiegħda bl-istess sengħa tal-mastrudaxxa
idejn li jersqu b’sens sempliċi u profond ta’ fraternità
ġesti li jfejqu u jerġgħu jiftħu għall-istagħġib:
issa anke f’nofs it-traġedja tal-kjaroskuro tal-ħajja
il-grazzja tistedinna nistagħġbu bil-presenza t’Alla
li tfejjaq, li ssalva.
Irrifletti
- Liema ġesti tara fihom il-ħidma t’Alla?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.