Strieħu ftit.
Niċċelebraw l-Evanġelju tas-16-il Ħadd – B.
Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.
Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni.
L-Evanġelju
Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom.
Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom.
Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ. (Mk 6, 30-34)
Riflessjoni u talba:
i. L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu.
Hemm ħin iddedikat għall-impenn
u hemm ħin meħtieġ għar-rakkont –
ta’ dak li għamlu u għallmu.
Ġesù jagħti spazju għas-smiegħ:
ħin sabiex nistgħu nagħmlu sens minn dak li għaddejjin minnu
opportunità li nilmħu kif ħajjitna għandha sehem mill-ħajja ta’ Kristu:
li jgħallem u jagħmel… mirakli żgħar u kbar.
Alla jqajjem ukoll nies li kapaċi jirrakkuntaw il-ħajja tal-bniedem –
artisti, poeti, kantanti, produtturi tal-films –
u nies li jagħtu l-ħin u s-sabar li jagħmilhieli faċli biex nirrakkonta l-istorja tiegħi.
Irrifletti
- Fejn tara s-sabiħ li taqsam ma’ ħaddieħor dak li għaddej minn ħajtek?
ii. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”.
Sentenza waħda li tikxef is-sbuħija t’Alla!
L-inizjattiva tiegħu mhix li jżid ix-xogħol,
li jirrendi n-nies fl-iskjavitù,
iżda stedina għal relazzjoni, ħbiberija, intimità;
stedina fil-konkret, fl-uman –
ikollna bżonn ċertu distanza, anke fiżika,
hemm postijiet konkreti li jgħinuna għal dan,
hemm ħin li trid tiddedika, ħin meqjus (ftit) imma meħtieġ.
Hija stedina biex nidħlu fil-mistrieħ ta’ Alla:
li fis-seba’ jum jieqaf u jiggosta:
“ra li kollox kien tajjeb ħafna”.
Irrifletti
- Kif ser twieġeb għal din l-istedina ta’ Ġesù? Xi jżommok lura?
iii. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.
Il-frott tal-mistrieħ
mhux l-aljenazzjoni, distazzjoni mir-realtà
mhux l-isturdament tal-bluha
mhux id-distanza dejjem tikber min-nies;
iżda kuntatt mill-ġdid mal-qalba tal-ħajja
il-kompassjoni li tixgħel fil-qalb quddiem ir-realtà tal-ieħor
inizjattivi ġodda, kreattività, konsistenza.
Irrifletti
- Fejn ħassejt ħeġġa ġdida fik jew f’ħaddieħor?
Nitolbu l-Missierna flimkien
Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu,
kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen.
Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen
Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.