Viżjoni

Viżjoni

Niċċelebraw l-Evanġelju tas-17-il Ħadd – B.

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina.


L-Evanġelju

Niftħu qalbna għall-Kelma t’Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù tela’ lejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.
 
Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”.
 
Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.
 
Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!”. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

(Ġw 6:1-15)

pexels/pawel: notice

Riflessjoni u talba:

i.  Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”

Il-ħarsa tista’ tkun magħluqa:

komdu jien, komdu kulħadd!
nara biss x’nista’ nieħu min ħaddieħor;
nara fl-oħrajn ir-rifless tiegħi, l-interessi tiegħi:
possibilità ta’ fama u suċċess.

Ġesù jerfa’ għajnejh
jilmaħ il-persuni u l-bżonnijiet konkreti tagħhom;
u jsaqsi mistoqsija li biha jiftaħ għajnejn Filippu u sħabu.

Irrifletti

  • Fejn kellek stedina biex twessa’ l-ħarsa tiegħek?
pexels/kseniachernaya: share


ii. 
Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”

Pass kbir:
 
tfajjel joffri l-ikel li għandu
jissupera l-interessi personali
 
Indri jinnota l-possibilitajiet tan-nies
jissupera l-idea li ssolvi kollox bil-flus.

Irrifletti

  • X’possibilitajiet tara?

X’possibilitajiet tara?


iii. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġa’ warrab waħdu lejn l-għoljiet.

Hemm mument fejn trid tieħu distanza
fejn tkun waħdek
biex tħares il-libertà interjuri
biex ma tinħakimx mit-tentazzjoni tal-poter
biex l-azzjoni tiegħek tibqa’ tmantni
u mhux tisloħ.

Irrifletti

  • X’jgħinek tirkupra l-viżjoni?


Nitolbu l-Missierna flimkien

Glorja lill-Missier,
u lill-Iben,
u lill-Ispirtu s-Santu, 

kif kien mill-bidu,
issa u dejjem,
jibqa’ għal dejjem,
ta’ dejjem,
Ammen. 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu
Ammen


Ħajr lil Fr Jimmy Bonnici għar-riflessjoni.

Comments are closed.